L-elezzjonijiet Ewropej urew li l-maġġoranza pro-Ewropea għadha valida, iżda wrew ukoll li l-votanti fl-UE kollha qed jitolbu reazzjonijiet politiċi u leġiżlattivi urġenti għall-isfidi mqajma fil-kampanja elettorali. Inkella, ir-riskju jkun li l-maġġoranza pro-Ewropea titlef l-appoġġ peress li ċ-ċittadini jistgħu dejjem aktar iwarrbu l-forzi politiċi tradizzjonali. 

Fis-sessjoni plenarja tiegħu ta’ Lulju, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (KESE) ospita dibattitu dwar l-istat tad-demokrazija fl-Ewropa mal-President tal-Parlament Ewropew, Roberta Metsola, u r-rappreżentanti tal-gruppi politiċi tal-Parlament Ewropew li għadu kif ġie elett. 

Il-President tal-KESE Oliver Röpke qal li “l-elezzjonijiet Ewropej f’Ġunju kienu twissija u huwa d-dmir tagħna li nirriflettu dwar l-istat tad-demokrazija llum, wara dawn ir-riżultati elettorali. Aħna magħqudin fil-konvinzjoni tagħna li l-Unjoni Ewropea hija l-unika tweġiba f’dan ir-rigward, li twassal għal forma ta’ demokrazija li b’mod viżibbli ttejjeb il-ħajja madwar l-Ewropa.” 

Sabiex jiġi kkonsolidat l-appoġġ għad-demokrazija fl-Ewropa, l-UE, kif enfasizzat Roberta Metsola, trid turi li l-politika għadha l-aħjar aġent għal bidla pożittiva fis-soċjetajiet u l-komunitajiet. “L-impjegaturi, il-ħaddiema u s-soċjetà ċivili huma essenzjali għall-bini tal-Ewropa – fil-bliet kbar u żgħar u fir-reġjuni Ewropej tagħna. Għax hemmhekk tibda l-Ewropa u hemmhekk id-demokrazija ssir azzjoni konkreta.”

Fid-dibattitu mar-rappreżentanti tal-gruppi politiċi, Željana Zovko, Viċi President tal-Partit Popolari Ewropew (PPE), l-akbar grupp fil-Parlament Ewropew, qalet li l-Grupp jistenna li l-politiki mibdija matul il-mandat preċedenti jitkomplew. Ana Catarina Mendes, Viċi President tal-Grupp Soċjalisti u Demokratiċi (S&D), qalet li kien essenzjali li ssir enfasi fuq l-implimentazzjoni tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali u li jiġi miġġieled il-faqar. Dan Barna, Viċi President tal-Grupp Renew, ħeġġeġ lill-Kummissjoni Ewropea l-ġdida biex tiddefendi l-istat tad-dritt billi tuża l-għodod eżistenti b’mod aktar effettiv. Kira-Marie Peter-Hansen, Viċi President tal-Grupp tal-Ħodor/ALE, tkellmet dwar kemm kien importanti li l-Patt Ekoloġiku jinżamm bħala politika kruċjali tal-UE. Martin Schirdewan, kopresident tal-Grupp tax-Xellug, għamilha ċara li se jistieden lill-Kummissjoni l-ġdida biex tindirizza l-ispiża tal-kriżi tal-akkomodazzjoni. (mt)