European Economic
and Social Committee
Ir-Riżoluzzjoni tal-Kumitat ta’ wara l-elezzjonijiet tħeġġeġ lill-istituzzjonijiet tal-UE jiffukaw fuq is-sigurtà fil-mandat leġiżlattiv il-ġdid
Fil-plenarja ta’ Ottubru, il-KESE adotta r-Riżoluzzjoni Infasslu l-progress demokratiku tal-UE: riżoluzzjoni għall-mandat leġiżlattiv li jmiss abbozzata mill-membri tiegħu Christa Schweng, Cinzia Del Rio u Ioannis Vardakastanis.
Fid-dawl tal-kriżi multipla attwali, il-KESE jitlob lill-Parlament Ewropew u lill-Kummissjoni Ewropew l-ġodda jagħmlu użu mid-diversità ta’ rappreżentanza tal-KESE biex isaħħu l-Unjoni Ewropea.
Il-mandat leġiżlattiv il-ġdid għandu jkollu l-għan li jsaħħaħ il-pożizzjoni internazzjonali tal-UE, jittratta l-problemi fl-arkitettura istituzzjonali tagħha, jipprovdi ankra soda għall-valuri komuni tal-Ewropa, u jmexxi l-ekonomija lejn futur sostenibbli abbażi ta’ mudell soċjali avvanzat u inklużiv – li huwa vitali għall-progress, l-unità u l-kompetittività.
Fir-Riżoluzzjoni, il-KESE jitlob lill-istituzzjonijiet tal-UE jistabbilixxu kunċett ta’ sigurtà ta’ 6 partijiet ibbażat fuq Unjoni li:
- tħares liċ-ċittadini tagħha kontra theddid estern;
- tipproteġi lin-nies kontra r-riskji interni, prinċipalment dawk relatati mas-saħħa, it-tibdil demografiku u l-faqar, u tipprovdi protezzjoni soċjali u benesseri aċċessibbli u universali fl-Ewropa kollha;
- tiggarantixxi ekonomija soċjali tas-suq kompetittiva mibnija fuq ekosistemi li jiżguraw il-produttività, l-innovazzjoni, l-impjiegi ta’ kwalità tajba u livell massimu ta’ impjiegi;
- toħloq ekonomija reżiljenti għal kulħadd;
- tiżgura d-djalogu u l-parteċipazzjoni tal-imsieħba soċjali, is-soċjetà ċivili organizzata u l-pubbliku sabiex ilaħħqu mal-isfidi u l-bidliet estensivi tal-lum u tal-futur qrib;
- tipproteġi kontra r-riskji attwali u futuri tat-tibdil fil-klima, it-tniġġis u t-telf tal-bijodiversità.
Ir-Riżoluzzjoni hija r-riżultat tal-ewwel Ġimgħa tas-Soċjetà Ċivili li qatt saret mill-KESE f’Marzu 2024 biex jinkisbu l-fehmiet tal-Ewropej ta’ kull età, tal-imsieħba soċjali u tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili. (mp)