European Economic
and Social Committee
Id-dokumentarju Ukren “20 Days in Mariupol” li rebaħ Oscar, jintwera fil-KESE
Fl-24 ta’ April, il-KESE ospita skrinjar tad-dokumentarju Ukren “20 Days f’Mariupol” li din is-sena rebaħ l-Oscar fil-kategorija tal-Aqwa Feature Film Dokumentarju.
Il-film isegwi d-direttur tiegħu, il-ġurnalist Mstyslav Chernov, u l-kollegi tiegħu matul 20 jum drammatiku fi Frar u Marzu 2022, huma u jiddokumentaw l-assedju brutali tar-Russja f’Mariupol, port ewlieni Ukren fil-Baħar ta’ Azov. Huma u jaħdmu għall-Associated Press, Chernov u t-tim tiegħu kienu l-aħħar ġurnalisti barranin fil-belt qabel ma nħatfet mill-armata Russa. Ir-reġistrazzjonijiet u r-ritratti kommoventi tagħhom, inklużi dawk ta’ bombardamenti massivi ta’ sptar tal-maternità u tat-teatru tal-belt li serva ta’ kenn għat-tfal, daru d-dinja, u taw xhieda tal-orruri kkawżati mill-armata Russa invadenti fuq il-popolazzjoni ċivili Ukrena.
Minbarra l-Academy Award, “20 Days in Mariupol” rebaħ ukoll ħafna premjijiet prestiġjużi oħra, inkluż il-Premju tal-Films tal-BAFTA għall-Aħjar Dokumentarju u l-Premju tal-Udjenza għaċ-Ċinema Dinjija – Dokumentarji fil-Festival tal-Films ta’ Sundance.
Għall-iskrinjar attenda l-President tal-KESE, Oliver Röpke. Attendew , kif ukoll mistiedna distinti oħra, fosthom l-Eċċellenza Tiegħu Vsevolod Chentsov, Kap tal-Missjoni tal-Ukrajna għall-UE, uYevhen Tuzov, wieħed mill-protagonisti ewlenin tad-dokumentarju.
“Irridu niftakru d-dmir solenni tagħna li nkunu xhieda tal-istorja. Dan il-film għandu messaġġ ċar: irridu nuru lid-dinja x’tista’ tagħmel il-mibegħda. Ejja ma ninsewx is-sagrifiċċji tal-poplu tal-Ukrajna, wisq anqas ir-reżiljenza li wera quddiem l-avversità. Il-prospett li l-Ukrajna ssir Stat Membru tal-UE mhuwiex biss xhieda tal-valuri komuni tagħna, iżda wkoll sinjal ta’ tama għal futur aħjar,” qal il-President tal-KESE Oliver Röpke.
“20 Days in Mariupol” jagħti ħarsa makabra iżda essenzjali lejn it-tbatija kkawżata mill-aggressjoni tar-Russja. Kburi ngħid li l-Kumitat tagħna baqa’ sod mal-Ukrajna, u mas-soċjetà ċivili vibranti tagħha, f’dawn iż-żminijiet diffiċli, u l-preżenza tagħkom illejla tfisser ħafna,” qal il-Viċi President tal-KESE għall-Komunikazzjoni Laurentiu Plosceanu. Il-KESE appoġġja bis-sħiħ lill-Ukrajna u lis-soċjetà ċivili tagħha mill-ewwel jum tal-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja u saħħaħ il-kooperazzjoni tiegħu mal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili tal-Ukrajna permezz tal-Pjattaforma tas-Soċjetà Ċivili UE-Ukrajna. Ħoloq iċ-ċentru tal-Ukrajna, li joffri spazju ta’ ħidma lill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili Ukreni fil-Belġju. Il-KESE beda l-inizjattiva tal-Membri Kandidati tat-Tkabbir, biex l-għarfien espert tal-KESE jiġi kondiviż mal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili Ukreni. Delegazzjoni ta’ livell għoli tal-KESE, immexxija mis-Sur Röpke, żaret l-Ukrajna f’Novembru fejn iltaqgħet mal-Ministru tal-Ekonomija Yuliia Svyrydenko, u ma’ rappreżentanti tal-Verokhna Rada u tas-soċjetà ċivili. Il-membri tal-KESE fissru r-rispett tagħhom lejn il-vittmi tal-gwerra Ukrena meta żaru l-monumenti tal-gwerra fil-pajjiż.
L-iskrinjar, organizzat fuq l-inizjattiva tal-membru Latvjan tal-KESE Andris Gobiņš, għal darb’oħra wera s-solidarjetà tas-soċjetà ċivili tal-Ewropa mal-Ukrajna u l-poplu tagħha. L-udjenza kellha wkoll l-opportunità li tara wirja tar-ritratti ddedikata lil Mariupol taħt assedju, organizzata f’kooperazzjoni mal-assoċjazzjoni Ukra-Bel, li ntweriet b’mod parallel mal-avveniment ewlieni.