European Economic
and Social Committee
“Jeħtieġ li nesportaw l-prodotti u t-teknoloġiji tagħna, iżda mhux l-impjiegi. L-investiment irid iseħħ fl-Ewropa”
Fis-sessjoni plenarja tal-KESE ta’ April, Maive Rute, id-Deputat Direttur Ġenerali tal-Kummissjoni għas-Suq Intern, u Oliver Röpke, il-President tal-KESE, enfasizzaw li t-tisħiħ tal-kompetittività tal-UE kien kruċjali biex jiżdiedu t-tkabbir u l-benesseri tal-ekonomija u s-soċjetà tagħna.
Skont is-Sinjura Rute, m’hemmx ħin x’jintilef. L-UE trid taġixxi malajr u b’mod urġenti jekk trid tlaħħaq u tissopravivi fid-dawl tas-setgħa eċċessiva tal-ġganti ekonomiċi tad-dinja.
Hi u tivvaluta s-sitwazzjoni attwali tal-kompetittività tal-UE, hija qalet: “Li għandna bżonn hija bidla radikali. Ma nistgħux inħallu li l-implimentazzjoni tas-suq uniku titwettaq biss permezz ta’ rieda tajba – neħtieġu infurzar reali warajha. Jeħtieġ li nesportaw l-prodotti u t-teknoloġiji tagħna, iżda mhux l-impjiegi. L-industriji tagħna jeħtieġ li jkunu kompetittivi, u l-investiment irid iseħħ hawnhekk.”
Hu u jenfasizza li l-kompetittività kienet pedament tas-suċċess ekonomiku tal-UE, li tixpruna t-tkabbir, l-innovazzjoni u l-prosperità filwaqt li ssaħħaħ l-influwenza u r-reżiljenza globali tagħha, is-Sur Röpke żied jgħid: “Meta niddiskutu l-kompetittività Ewropea, irridu npoġġu lin-nies fiċ-ċentru tad-dibattitu u niżguraw li ħadd ma jitħalla jibqa’ lura. L-impatt u s-sinifikat aħħari tagħha jinsabu fil-mod kif taffettwa l-benesseri, l-opportunitajiet u l-prosperità tal-individwi u tal-komunitajiet. Għalhekk, kwalunkwe dibattitu dwar il-kompetittività jrid jagħti prijorità lill-ħtiġijiet, id-drittijiet u l-aspirazzjonijiet tan-nies.”
Il-plenarja rat ukoll l-adozzjoni tal-Opinjoni dwar Strateġija għall-kompetittività fit-tul imfassla mir-relatur Emilie Prouzet u l-korelatur Stefano Palmieri. (mp)