mill-Grupp tal-Ħaddiema tal-KESE

Il-kampanja tal-Parlament Ewropew “Oħroġ ivvota. Inkella ħaddieħor jiddeċiedi għalik” hija adatta ħafna. Il-filmat elettorali tal-kampanja, li janalizza l-għeruq tal-proġett Ewropew li jinbena futur paċifiku mill-irmied tal-gwerra u l-ġenoċidju, imiss it-tast. B’mod partikolari llum il-ġurnata, bl-estremiżmu u l-apatija li qed jirrenjaw, il-politika spiss tidher qisha xi reality show aktar milli agora ġenwina.

Ċerti li tridu tħallu lil ħaddieħor jiddeċiedi għalikom? Diġà qed jagħmlu dan u, għal darb’oħra, qed jagħżlu l-awsterità.

Il-president tagħna, Lucie Studničná, esprimiet dan b’mod ċar: ma nistgħux naffordjaw kriżi oħra ta’ awsterità. Xi pajjiżi esperjenzaw deterjorament ekonomiku u eżodu ta’ mħuħ minħabba l-miżuri meħuda matul l-aħħar kriżi finanzjarja. Ir-rata tal-ggħad fi Spanja, l-Italja u l-Greċja għadha għolja, u l-PDG per capita għadu ’l bogħod mil-livelli tal-2008. Bi tweġiba għal din in-nonsoluzzjoni, kellna żieda fl-Ewroxettiċiżmu u l-populiżmu, li ġiet iffaċilitata minn qabża lejn il-lemin estrem.

Ir-regoli fiskali l-ġodda se jħallu lill-biċċa l-kbira tal-Istati Membri mingħajr saħħa biex jiffaċċjaw l-isfidi klimatiċi u soċjali tal-ġejjieni. Il-wegħdiet li saru f’La Hulpe se jkunu vojta. Iċ-ċittadini se jsofru, u d-diffikultajiet ekonomiċi addizzjonali, li l-gvernijiet żgur li se jiddeskrivu bħala “imposti minn Brussell”, jistgħu jkunu l-aħħar daqqa għal ħafna.

Id-demokrazija mhijiex biss kwistjoni ta’ votazzjoni: is-soċjetà ċivili u t-trade unions huma fundamentali għaż-żamma ta’ demokrazija b’saħħitha. Madankollu, il-votazzjoni mhijiex biss għodda ta’ leġittimità, u għadha utli. Hija dritt li nkiseb b’mod diffiċli bl-isforzi, u ħafna drabi l-ħajjiet, ta’ miljuni ta’ nies tul diversi ġenerazzjonijiet. U nistgħu nitilfuh.

Id-deċiżjonijiet dwar l-awsterità mhumiex stabbiliti fis-sod. Għal dawn l-elezzjonijiet f’Ġunju, u għall-elezzjonijiet nazzjonali li jmiss, l-appell tagħna huwa: użaw il-vot tagħkom. Tħallux li ħaddieħor jeħodulkom. Ivvotaw għall-progress soċjali. Flimkien, nistgħu nkomplu ntejbu l-pajjiżi tagħna u l-Unjoni Ewropea, u nbiddlu dak li ma jaħdimx.