European Economic
and Social Committee
#EUelections2024: L-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili jiddiskutu l-UE li jixtiequ u jipproponu prijoritajiet għall-mandat il-ġdid
Mill-Grupp tal-Organizzazzjonijiet tas-Soċjetà Ċivili
Għall-mandat il-ġdid, l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili jipproponu l-indirizzar tal-isfidi immedjati u fit-tul, l-implimentazzjoni adegwata tal-politiki eżistenti tal-UE u t-tisħiħ tal-valuri tal-UE. Djalogu ċivili strutturat u aġenda soċjali b’saħħitha qegħdin ukoll fuq il-lista tal-prijoritajiet tagħhom.
Fis-16 ta’ April, il-Grupp tal-Organizzazzjonijiet tas-Soċjetà Ċivili tal-KESE organizza konferenza dwar Nibnu Flimkien l-UE Li Rridu. L-avveniment laqqa’ flimkien rappreżentanti tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili fil-livell nazzjonali u Ewropew li ddiskutew il-prijoritajiet politiċi tagħhom bi tħejjija għall-elezzjonijiet li ġejjin għall-Parlament Ewropew u l-iffirmar tad-dikjarazzjoni interistituzzjonali La Hulpe dwar il-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali.
Waqt il-ftuħ tal-konferenza, Séamus Boland, president tal-Grupp tal-Organizzazzjonijiet tas-Soċjetà Ċivili, iddeplora l-fatt li ħafna politiċi minn partiti nazzjonali prinċipali ma jridux jiddiskutu l-UE mal-votanti. B’konsegwenza ta’ dan, il-votanti ma jifhmux għaliex l-UE hija meħtieġa u l-politika tal-UE mhux dejjem tirrifletti dak li huwa importanti għalihom. Dan wassal għal skonnessjoni perikoluża bejn il-pubbliku ġenerali u l-UE u jista’ jirriżulta f’ħafna nies jivvutaw għal partiti estremisti. “Dak li huwa meħtieġ b’mod urġenti issa huwa li l-politiċi nazzjonali u Ewropej jinvolvu ruħhom man-nies f’dibattitu miftuħ dwar il-problemi li qed tiffaċċja l-UE u dwar x’għandu jsir biex dawn jiġu solvuti. B’hekk biss nistgħu nipperswaduhom li l-UE hija għall-ħafna u li tibqa’ toħloq opportunitajiet għal kulħadd.”
Aqra u aqsam il-konclużjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet tal-konferenza, li jiffukaw fuq:
- Għaliex l-elezzjonijiet tal-2024 għall-Parlament Ewropew huma importanti: l-UE f’punt ta’ bidla
- Nibnu flimkien l-UE li rridu: UE demokratika u inklużiva ta’ ġustizzja u protezzjoni soċjali
- Nibnu flimkien l-UE li rridu: ekonomija sostenibbli bbażata fuq tranżizzjonijiet ġusti u impjiegi ta’ kwalità
- It-tqegħid tas-soċjetà ċivili, iċ-ċittadini u ż-żgħażagħ fiċ-ċentru tal-Ewropa ta’ għada
Il-konklużjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet ser jikkontribwixxu għal riżoluzzjoni tal-KESE bi proposti ta’ politika għall-Parlament Ewropew il-ġdid u l-Kummissjoni Ewropea l-ġdida, li għandha tiġi adottata f’Lulju 2024.
Skopri iktar fl-istqarrija għall-istampa dwar il-konferenza.