Iż-żagħżugħa Moldovana Mădălina-Mihaela Antoci kienet waħda mir-rappreżentanti tal-pajjiżi kandidati tal-UE fl-avveniment annwali taż-żgħażagħ tal-KESE ta’ din is-sena L-Ewropa Tiegħek, Leħnek. Hija ħadet sehem ukoll fil-Ġimgħa tas-Soċjetà Ċivili tal-KESE fejn għamlet diskors ta’ ispirazzjoni matul il-panel inawgurali Għadna magħqudin fid-diversità. Il-President tan-Network tal-Istudenti tal-Erasmus tal-Moldova u membru tal-bord tal-Kunsill Nazzjonali taż-Żgħażagħ tal-pajjiż, Mădălina-Mihaela qasmet xi tfisser l-UE għaż-żgħażagħ Moldovani u qaltilna dwar il-missjoni tagħha biex tħeġġeġ liż-żgħażagħ minn pajjiżha jistudjaw barra l-pajjiż u jħaddnu mentalità globali.

1. Il-Kunsill Nazzjonali taż-Żgħażagħ tal-Moldova qiegħed jinvolvi liż-żgħażagħ f’diskussjonijiet dwar l-integrazzjoni fl-UE? Iż-żgħażagħ Moldovani kif jarawha l-UE?

Assolutament! Il-Kunsill Nazzjonali taż-Żgħażagħ tal-Moldova jiżgura li fehmiet i-żgħażagħ jinstemgħu fil-proċess ta’ integrazzjoni tal-Moldova fl-UE permezz ta’ konsultazzjonijiet, kampanji ta’ promozzjoni u involviment dirett ma’ dawk li jfasslu l-politika. Għal ħafna żgħażagħ Moldovani l-UE tirrappreżenta progress, orizzonti ġodda, u futur fejn it-talenti tagħhom huma rikonoxxuti u apprezzati. Madankollu, għad hemm nuqqas fis-sensibilizzazzjoni, u hawn nidħlu aħna, fejn inbiddlu l-kurżità f’parteċipazzjoni attiva.

Qed norganizzaw fora, dibattiti u workshops dwar l-integrazzjoni tal-UE, il-politika u d-drittijiet taż-żgħażagħ.
Qed nappellaw biex iż-żgħażagħ jiġu inklużi fil-proċessi nazzjonali tat-teħid ta’ deċiżjonijiet.
Qed inniedu kampanji biex ninfurmaw u nedukaw liż-żgħażagħ Moldovani dwar il-benefiċċji tas-sħubija fl-UE.

2. Tista’ tintroduċi fil-qosor il-ħidma tiegħek man-Network tal-Istudenti tal-Erasmus tal-Moldova?

Bħala President tal-Network tal-Istudenti tal-Erasmus tal-Moldova, għandi missjoni li nikkonnettja liż-żgħażagħ ma’ opportunitajiet internazzjonali li jbiddlu l-ħajja. It-tim tagħna jaħdem biex jippromovi l-mobbiltà, joħloq ambjent akkoljenti għall-istudenti ta’ skambju, u jippromovi l-edukazzjoni internazzjonali. Waħda mill-inizjattivi ewlenin tiegħi hija L-Erasmus fl-iskejjel, fejn nispiraw lill-istudenti tal-iskola sekondarja biex joħolmu lil hinn mill-fruntieri u jħaddnu mentalità globali.

3. Tista’ taqsam xi ċifri dwar kemm studenti Moldovani bbenefikaw mill-programm akkademiku Erasmus+ s’issa, jew totalment jew annwalment?

Bħalissa, il-Moldova ma tospitax studenti tal-Erasmus+ minn pajjiżi oħra, iżda ż-żgħażagħ tagħna qegħdin iħallu impressjoni barra l-pajjiż! Kull sena, bejn 500 u 700 student tal-Moldova jistudjaw jew jagħmlu traineeships f’istituzzjonijiet Ewropej ewlenin permezz tal-Erasmus+. Minn mindu tnieda l-programm, eluf ta’ żgħażagħ kisbu esperjenza internazzjonali, u ġabu lura l-innovazzjoni, it-tmexxija u perspettiva ġdida. Permezz ta’ L-Erasmus fl-iskejjel, nistinka biex il-mobbiltà ssir realtà għal aktar żgħażagħ Moldovani, biex nurihom li d-dinja qiegħda hemm biex jesplorawha.

4. Fil-fehma tiegħek, x’inhu l-valur ta’ tali programmi ta’ skambju akkademiku għaż-żgħażagħ f’pajjiż kandidat bħall-Moldova?

Erasmus+ mhuwiex biss programm ta’ studju – huwa punt tat-tluq għall-futur tal-Moldova. Jagħti liż-żgħażagħ aktar minn edukazzjoni; jagħtihom l-adattabbiltà, ir-reżiljenza u perspettiva Ewropea. F’pajjiż kandidat bħall-Moldova, huwa dwar li tinbena ġenerazzjoni li tara lil hinn mil-limitazzjonijiet, li tinnova, tikkollabora, u li tkun lesta li tmexxi lil pajjiżna lejn il-futur Ewropew.

5. X’kienu l-aspettattivi tiegħek għal “L-Ewropa Tiegħek, Leħnek” u l-Ġimgħa tas-Soċjetà Ċivili?

Stennejt diskussjonijiet b’saħħithom, ideat kuraġġużi u impenji reali għall-inklużjoni taż-żgħażagħ fit-tfassil tal-politika. Dawn l-avvenimenti huma aktar minn sempliċiment laqgħat – huma pjattaformi fejn iż-żgħażagħ li jixprunaw il-bidla jisfidaw l-istatus quo u jistinkaw għal Ewropa aktar b’saħħitha u aktar inklużiva. Għall-Moldova, dan huwa pass ieħor biex jitnaqqas id-distakk bejn ir-realtà lokali fil-prattika u l-ambizzjonijiet Ewropej, u dan juri li ż-żgħażagħ tagħna mhumiex qed jistennew il-futur – qed joħolquh.

Mădălina Mihaela Antoci hija mexxejja taż-żgħażagħ ta’ 21 sena b’passjoni fl-edukazzjoni, l-involviment ċiviku u t-tisħiħ tal-pożizzjoni taż-żgħażagħ. Bħalissa hija l-President tan-Network tal-Istudenti tal-Erasmus tal-Moldova u hija membru tal-bord tal-Kunsill Nazzjonali taż-Żgħażagħ tal-Moldova.

Tiddefendi bla heda l-programm akkademiku Erasmus+ u kisbet suċċess notevoli fl-inkoraġġiment taż-żgħażagħ biex jesploraw opportunitajiet internazzjonali, waqt li enfasizzat ukoll il-valur tal-edukazzjoni fid-dar. Permezz tal-isforzi tagħha, hija ispirat mijiet ta’ studenti biex jinvolvu ruħhom fil-mobbiltà akkademika u jikkontribwixxu b’mod attiv għall-komunitajiet lokali tagħhom.