European Economic
and Social Committee
L-Ewropa Tiegħek, Leħnek 2025: Iċ-ċittadinanza attiva u l-ġlieda kontra l-korruzzjoni huma prijorità fl-aġenda taż-żgħażagħ
L-edizzjoni tal-2025 ta’ L-Ewropa Tiegħek, Leħnek!, l-avveniment annwali taż-żgħażagħ organizzat mill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (KESE), saret fit-13 u l-14 ta’ Marzu, bit-tema “Nagħtu vuċi liż-żgħażagħ” u b’enfasi fuq ir-rwol taż-żgħażagħ fit-tiswir kollettiv ta’ futur reżiljenti.
L-avveniment ta’ din is-sena laqqa’ flimkien kważi 100 żagħżugħ u żagħżugħa minn madwar l-UE, id-disa’ pajjiżi kandidati tal-UE, u r-Renju Unit. Il-parteċipanti rrappreżentaw lill-organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ, lill-kunsilli nazzjonali taż-żgħażagħ u lill-iskejjel sekondarji, u enfasizzaw it-tħassib ta’ firxa wiesgħa ta’ gruppi. Waqt li ħafna huma promoturi taż-żgħażagħ b’esperjenza, għal oħrajn, dan l-avveniment kien ifisser l-ewwel pass importanti ta’ involviment fid-demokrazija parteċipattiva fil-komunitajiet tagħhom u lil hinn.
F’diversi sessjonijiet ta’ ħidma, iż-żgħażagħ, iggwidati mill-faċilitaturi, identifikaw l-aktar kwistjonijiet urġenti li jemmnu li l-atturi politiċi għandhom jindirizzaw. Dawn il-kwistjonijiet kienu jvarjaw mill-ġlieda kontra l-korruzzjoni, sal-iżvilupp ta’ strateġija koerenti dwar il-klima u l-iżgurar ta’ ugwaljanza tad-drittijiet għal kulħadd. Peress li l-korruzzjoni tgħawwar il-fiduċja fl-istituzzjonijiet u ddgħajjef id-demokrazija, bilfors irid jiġi appoġġjat il-ġurnaliżmu investigattiv u trid tittejjeb it-trasparenza fl-użu tal-flus tal-kontribwenti.
“Irridu niżguraw l-obbligu ta’ rendikont. Ma nistgħux naffordjaw li nkunu passivi peress li l-ispiża tan-nuqqas ta’ azzjoni hija għolja wisq. Irridu niġġielduha u nirbħuha,” qalet persuna żagħżugħa mill-parteċipanti tal-avveniment.
Iż-żgħażagħ semmew ukoll il-ħtieġa ta’ objettivi komuni fil-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima, u enfasizzaw il-bżonn jiġi minqux il-prinċipju ta’ eżistenza ħielsa mill-effetti negattivi tat-tibdil fil-klima.” Huma talbu li jitfassal kurrikulum ibbażat fuq il-valuri, li jkollu impatt pożittiv fuq l-imġiba online u jimmitiga d-diżinformazzjonni. Il-parteċipanti ta’ L-Ewropa Tiegħek, Leħnek kienu favur ukoll drittijiet, trattament u opportunitajiet indaqs, minbarra l-inklużjoni ta’ kulħadd fl-ispazji kollha. Fir-rigward tan-nuqqas ta’ rappreżentanza taż-żgħażagħ fil-proċessi tat-teħid ta’ deċiżjonijiet politiċi, huma enfasizzaw li demokrazija tirrikjedi li jinstemgħu l-ilħna kollha.
L-avveniment ta’ ġurnata u nofs laħaq il-qofol tiegħu fil-plenarja tal-għeluq taż-żgħażagħ, fejn ġemgħa ta’ żgħażagħ b’impenn u involviment ippreżentat ir-rakkomandazzjonijiet tagħha lill-President tal-KESE, Oliver Röpke u lill-koordinatur tal-UE għaż-żgħażagħ, Biliana Sirakova. Wara votazzjoni, il-parteċipanti żgħażagħ ikklassifikaw ħames punti fokali f’ordni ta’ importanza.
(1) Il-ġlieda kontra l-korruzzjoni permezz tat-trasparenza u l-parteċipazzjoni taż-żgħażagħ.
(2) Iċ-ċittadinanza attiva: mill-klassi sal-komunità.
(3) Ugwaljanza f’kollox.
(4) Iż-żgħażagħ jistħoqqilhom siġġu.
(5) L-iżvilupp ta’ strateġija koerenti dwar it-tibdil fil-klima.
Il-President Röpke enfasizza li dawn ir-rakkomandazzjonijiet jistgħu jsawru l-ħidma konsultattiva tal-KESE, u enfasizza l-ugwaljanza bejn il-ġeneri bħala prijorità ewlenija għall-Kumitat. Is-Sinjura Sirakova nnotat li dawn ir-rakkomandazzjonijiet se jgħinu wkoll biex jiggwidaw il-ħidma tal-UE. (cpwb)