European Economic
and Social Committee
Editorjal
Neħtieġu Ewropa fejn leħen iż-żgħażagħ huwa importanti
Il-Parlament Ewropew li għadu kif ġie elett ser jorganizza l-ewwel seduta plenarja tiegħu f’Lulju. Minkejja li għad hemm maġġoranza prodemokratika, iż-żieda tal-forzi tal-lemin estrem u tal-Ewroxettiċi wara l-elezzjonijiet ta’ Ġunju hija xejra inkwetanti. Rajna wkoll li l-ġenerazzjoni żagħżugħa qed tinġibed aktar lejn il-partiti tal-lemin estrem, li b’mod ċar hija suxxettibli għal dawn ix-xejriet. Dan huwa ż-żmien biex il-forzi demokratiċi jieħdu r-responsabbiltà, jaħdmu flimkien u juru impenn ċar għal Ewropa b’saħħitha, fejn leħen iż-żgħażagħ huwa importanti.
L-involviment taż-żgħażagħ fit-tfassil tal-politika tal-UE huwa essenzjali għal Ewropa reżiljenti, sostenibbli u li tħares ’il quddiem. Irridu nirduppjaw l-isforzi tagħna biex nintegraw bis-sħiħ leħen iż-żgħażagħ fl-impenji li saru fil-livell tal-UE. L-elezzjonijiet m’għandhomx ikunu l-uniku żmien meta leħen iż-żgħażagħ jgħodd: il-KESE qed jirrakkomanda modi sistemiċi u regolari biex iż-żgħażagħ isemmgħu leħinhom.
Li bibien il-KESE jinfetħu għaż-żgħażagħ – inklużi dawk minn pajjiżi kandidati – huwa wieħed mill-prijoritajiet tal-mandat tiegħi. F’Mejju 2024, il-KESE sar l-ewwel istituzzjoni tal-UE li applikat it-Test taż-Żgħażagħ – għodda mfassla biex tiżgura li l-proposti jkunu ta’ benefiċċju għaż-żgħażagħ – għar-rakkomandazzjonijiet ta’ politika tiegħu. Billi napplikaw it-Test taż-Żgħażagħ għall-Opinjonijiet tagħna, niżguraw li l-perspettiva taż-żgħażagħ tiġi inkluża fil-politiki, li jitqies l-impatt fuq iż-żgħażagħ u li ntaffu l-effetti negattivi potenzjali li l-politiki jista’ jkollhom fuqhom.
Qabel ma introduċejna t-Test taż-Żgħażagħ, mexxejna proġett pilota biex naraw kif test bħal dan jaħdem fil-prattika. Ħdimna maż-żgħażagħ madwar l-Ewropa u lil hinn minnha, li ssieħbu fil-laqgħat tagħna u għenu fl-abbozzar tal-Opinjonijiet. Kienet ta’ ispirazzjoni naraw l-impenn, id-dedikazzjoni, l-ideat brillanti u l-għarfien espert tagħhom. Issa nedejna s-sejħa għall-applikazzjoni għat-Test taż-Żgħażagħ uffiċjali tal-KESE, li ngħalqet fit-30 ta’ Ġunju. Nixtieq nirringrazzja lir-rappreżentanti kollha taż-żgħażagħ li ħadu sehem fil-proġett pilota u lill-membri tal-Grupp taż-Żgħażagħ tal-KESE għad-dedikazzjoni tagħhom biex jittrasformaw it-Test taż-Żgħażagħ f’realtà.
L-UE teħtieġ iż-żgħażagħ. U huwa għalhekk li l-istituzzjonijiet tal-UE jridu jagħmlu l-istess biex jipprovdu Ewropa mmexxija miż-żgħażagħ. Waqt li l-Parlament Ewropew ser jissawwar matul ix-xahar id-dieħel u l-Kummissjoni Ewropea ser tħejji għall-mandat li jmiss tagħha fil-ħarifa, il-KESE ser ikompli jippromovi investiment akbar fiż-żgħażagħ: wasal iż-żmien li nagħmlu pass ieħor!
Hekk kif beda s-sajf, nieħu din l-opportunità biex nirringrazzja mill-qalb lill-kollegi kollha li għamluha possibbli li jinkiseb pass importanti ieħor għall-Kumitat tagħna.
Oliver Röpke
Il-President tal-KESE