20 sena wara li s-Slovenja ssieħbet fl-UE, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (KESE) ġabar mexxejja politiċi u tas-soċjetà ċivili f’Ljubljana biex ifakkru dan l-anniversarju simboliku, waqt li enfasizza l-benefiċċji fundamentali tas-sħubija fl-UE u afferma mill-ġdid li l-futur tar-reġjun tal-Balkani tal-Punent jinsab fl-Unjoni Ewropea. 

Il-Konferenza “Continuing the success story of EU enlargement – Bringing benefits to the Western Balkans in advance of accession” (Inkomplu l-istorja ta’ suċċess tat-tkabbir tal-UE – Inwasslu l-benefiċċji lill-Balkani tal-Punent qabel l-adeżjoni), organizzata mill-KESE f’kooperazzjoni mill-qrib mal-Kummissjoni Ewropea u l-Open Society Foundation-Western Balkans, xeħtet dawl fuq ir-riformi meħtieġa biex isir progress fit-triq tal-adeżjoni, inkluża l-importanza li jiġu rispettati l-valuri fundamentali tal-UE. 

Waqt li tkellem fil-konferenza, il-President Oliver Röpke kien akkumpanjat mill-Ministru Sloven għall-Affarijiet Barranin, Tanja Fajon, il-Ministru Sloven għax-Xogħol, Luka Mesec, u s-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill għall-Kooperazzjoni Reġjonali, Majlinda Bregu

Kif enfasizza l-President tal-KESE Oliver Röpke: “Post il-Balkani tal-Punent jinsab fl-UE; sa ma jseħħ dan, il-familja tagħna tal-UE mhux se tkun kompluta. Tistgħu sserrħu fuq il-KESE li se jkompli jagħmel l-parti tiegħu billi jorganizza ‘Summit dwar it-Tkabbir tas-Soċjetà Ċivili’ f’Settembru”. 

Tanja Fajon, il-Ministru Sloven għall-Affarijiet Barranin, qalet: “Nemmen li fis-sitwazzjoni ġeopolitika attwali neħtieġu lil xulxin aktar minn qatt qabel. Għal dan il-proċess, neħtieġu li s-soċjetà ċivili tagħmel pressjoni fuq il-politika u l-gvern biex jimxi fid-direzzjoni li joqrob lejn l-UE”. 

Luka Mesec, il-Ministru Sloven għax-Xogħol, il-Familja, l-Affarijiet Soċjali u l-Opportunitajiet Indaqs, qal: “Is-Slovenja u l-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent għandhom storja komuni twila. Id-dar komuni tagħna hija l-Unjoni Ewropea, għalhekk se naħdem flimkien mal-gvern Sloven biex niffaċilitaw l-adeżjoni tal-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent mal-Unjoni Ewropea”. (mt)