European Economic
and Social Committee
Att dwar il-Mediċini Kritiċi biex tiġi żgurata l-indipendenza farmaċewtika tal-Ewropa
F’Opinjoni li ġiet adottata reċentement, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (KESE) iwissi li s-sovradipendenza tal-UE mill-importazzjonijiet ta’ ingredjenti farmaċewtiċi attivi u ta’ mediċini lesti mill-Asja hija ta’ theddida għas-saħħa u l-benesseri taċ-ċittadini tal-UE. Għalhekk, il-KESE qed jipproponi Att dwar il-Mediċini Kritiċi.
L-Unjoni Ewropea qed tiffaċċja sfida dejjem akbar biex tiżgura l-provvista tagħha ta’ prodotti mediċinali essenzjali, meta wieħed iqis li l-maġġoranza tal-ingredjenti farmaċewtiċi attivi (APIs) u l-mediċini lesti tagħha bħalissa jiġu importati mill-Asja. Din id-dipendenza minn fornituri esterni tqajjem tħassib dwar ir-reżiljenza tal-UE fir-rigward ta’ tfixkil fil-ktajjen ta’ provvista, il-volatilità tal-prezzijiet u riskji ġeopolitiċi potenzjali.
“Qed nipperikolaw is-saħħa taċ-ċittadini tagħna peress li niddependu minn fornituri esterni għall-prodotti mediċinali essenzjali. Irridu naġixxu issa biex niżguraw li ċ-ċittadini Ewropej ikollhom aċċess għall-mediċini li għandhom bżonn,” qal Lech Pilawski, ir-relatur tal-KESE għall-Opinjoni.
Biex jindirizza dan it-tħassib, il-KESE jirrakkomanda li jiġi stabbilit mekkaniżmu ġdid tal-UE biex jappoġġja l-produzzjoni ta’ APIs u mediċini lesti fl-Ewropa. L-Att dwar il-Mediċini Kritiċi propost huwa maħsub bħala mekkaniżmu komprensiv tal-UE, ippreżentat fil-forma ta’ regolament, biex jappoġġja b’mod attiv il-produzzjoni ta’ APIs u mediċini lesti fl-Unjoni Ewropea. Il-mekkaniżmu jipprovdi finanzjament għar-riċerka u l-iżvilupp, l-iżvilupp tal-infrastruttura u l-ispejjeż operatorji.
L-implimentazzjoni ta’ dawn ir-rakkomandazzjonijiet se teħtieġ investiment sinifikanti u kooperazzjoni bejn l-Istati Membri tal-UE. Il-KESE jistieden lill-Kummissjoni Ewropea tieħu rwol ta’ tmexxija fil-koordinazzjoni ta’ dan l-isforz u tiżviluppa strateġija komprensiva li tista’ tissalvagwardja s-sigurtà tas-saħħa tal-Ewropa, tippromovi l-prosperità ekonomika u tiżgura l-affordabbiltà tal-mediċini għaċ-ċittadini tal-UE. (gb)