L-ekonomija u l-finanzi, id-diġitalizzazzjoni, il-kompetittività u n-negozju, u l-kummerċ. Dawn huma l-erba’ oqsma fejn il-Presidenza Spanjola tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea għamlet progress minn Lulju sa Diċembru 2023.

Waqt li tkellmet fis-sessjoni plenarja ta’ Diċembru, l-Ewwel Viċi Prim Ministru u Ministru għall-Ekonomija u d-Diġitalizzazzjoni ta’ Spanja, Nadia Calviño, ġabret fil-qosor il-konklużjonijiet tal-Presidenza b’rotazzjoni tal-UE, u semmiet, fost affarijiet oħra, l-approfondiment tal-unjoni ekonomika u monetarja, il-pagamenti istantanji fis-settur bankarju, ir-riforma tas-suq tal-elettriku u l-iffirmar ta’ ftehim kummerċjali avvanzat maċ-Ċilì.

Is-Sinjura Calviño, li mistennija tieħu l-kariga bħala l-President li jmiss tal-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI) fl-1 ta’ Jannar 2024, enfasizzat ukoll il-punti li l-Unjoni Ewropea se jkollha bżonn tpoġġi fuq l-aġenda dalwaqt, speċjalment fid-dawl tal-elezzjonijiet Ewropej li ġejjin. “Id-dinja għaddejja minn bidla kbira u l-plakki tettoniċi li nħolqu wara t-Tieni Gwerra Dinjija qed jinbidlu,” hija qalet. “Jeħtieġ li niżguraw li l-UE tkompli tmexxi l-aktar dibattiti importanti fid-dinja, tindirizza l-isfidi ewlenin u tipproteġi l-valuri Ewropej tagħha f’din id-dinja l-ġdida.”

B’referenza għas-semestru impenjattiv li wasal biex jintemm, hija żiedet li “il-kooperazzjoni ma’ istituzzjonijiet Ewropej oħra u, b’mod partikolari l-KESE, kienet strumentali għas-suċċess tiegħu. Il-preżenza tiegħi turi l-impenn qawwi tal-gvern Spanjol lejn l-imsieħba soċjali, id-djalogu soċjali u s-soċjetà ċivili. Aħna nippruvaw nisimgħu bir-reqqa u nintegraw il-fehmiet tas-soċjetà ċivili fil-ħidma tagħna.” (mp)