European Economic
and Social Committee
Editorjal
L-elezzjonijiet Ewropej li ġejjin huma kruċjali għall-UE hekk kif qed tiġġieled allarmiżmu Ewroxettiku u tal-lemin estrem. L-elezzjonijiet se jsawru l-pajsaġġ politiku tal-UE u se jiddefinixxu rwol attiv u inklużiv għaċ-ċittadini u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili.
F’dan l-isfond, il-KESE, id-dar tas-soċjetà ċivili organizzata, se jorganizza l-ewwel Ġimgħa tas-Soċjetà Ċivili tiegħu bejn l-4 u s-7 ta’ Marzu 2024 u t-tema se tkun Ilkoll Flimkien għad-Demokrazija!
Dan l-avveniment se jlaqqa’ individwi ta’ kull età u minn kull sfond, inklużi żgħażagħ, ġurnalisti mill-Istati Membri kollha tal-UE, rappreżentanti tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, partijiet ikkonċernati u istituzzjonijiet tal-UE, biex jipparteċipaw f’diskussjonijiet vivaċi li se jenfasizzaw il-kontribut tas-soċjetà ċivili għall-kwistjonijiet soċjali, politiċi u ekonomiċi li jolqtu l-ħajja tagħna ta’ kuljum.
Peress li d-demokrazija tibda bil-parteċipazzjoni, dan l-avveniment ewlieni tal-KESE se jgħaqqad ħames inizjattivi ewlenin:
- il-Ġranet tas-Soċjetà Ċivili, li matulhom in-nies se jesprimu l-aspettattivi tagħhom dwar kwistjonijiet kruċjali għad-demokraziji tagħna;
- l-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej (IĊE), il-laqgħa annwali ta’ livell għoli għall-organizzaturi futuri ta’ IĊE li matulha jiġu stabbiliti l-miri leġiżlattivi li jmiss;
- L-Ewropa Tiegħek, Leħnek, avveniment uniku taż-żgħażagħ li jqarreb lill-UE lejn iż-żgħażagħ tal-Istati Membri kollha tal-UE u lil hinn, inklużi rappreżentanti taż-żgħażagħ mill-pajjiżi kandidati tal-UE u mir-Renju Unit;
- il-Premju għas-Soċjetà Ċivili, li jippremja proġetti kreattivi u innovattivi mingħajr skop ta’ qligħ għall-appoġġ li joffru lil persuni b’kundizzjoni ta’ saħħa mentali;
- u, l-aħħar iżda mhux l-inqas, is-Seminar għall-Ġurnalisti, li matulu ġurnalisti mill-Istati Membri kollha tal-UE se jesperjenzaw direttament kif jaħdem il-Kumitat u jirrapportaw lura lill-pajjiżi tagħhom.
Il-Ġimgħa tas-Soċjetà Ċivili tagħna se tkun pjattaforma f’waqtha għas-soċjetà ċivili organizzata u ċ-ċittadini biex jesprimu fehmiethom dwar kwistjonijiet ewlenin għal-leġiżlatura l-ġdida tal-Ewropa. Fuq kollox, se tħeġġeġ il-parteċipazzjoni tal-votanti u attitudni pro-Ewropea.
Il-kontribut li jipprovdu l-parteċipanti waqt il-Ġimgħa tas-Soċjetà Ċivili se jiġi integrat f’Riżoluzzjoni li twassal il-messaġġi ewlenin tas-soċjetà ċivili għal Ewropa aktar demokratika fid-dawl tal-elezzjonijiet Ewropej.
Nistidinkom tingħaqdu magħna f’dan l-isforz importanti: ikkontribwixxu għad-diskussjonijiet tagħna u ħeġġu liċ-ċittadini u lill-assoċjazzjonijiet biex jieħdu sehem fl-elezzjonijiet Ewropej. Titilfux din l-opportunità! L-UE teħtieġ li ċ-ċittadini tagħha jitkellmu u jkunu preżenti.
Laurenţiu Plosceanu
Viċi President għall-Komunikazzjoni