European Economic
and Social Committee
Il-Ġimgħa tas-Soċjetà Ċivili 2025 – ipparteċipa fid-diskussjoni!
It-tieni edizzjoni tal-Ġimgħa tas-Soċjetà Ċivili tal-KESE 2025, li se ssir mis-17 sal-20 ta’ Marzu, se tiffoka fuq It-Tisħiħ tal-koeżjoni u l-parteċipazzjoni f’soċjetajiet polarizzati. Irriżerva l-post tiegħek billi tirreġistra hawnhekk!
Għad baqa’ żmien biex tirreġistra għat-tieni Ġimgħa tas-Soċjetà Ċivili tal-KESE, li matulha s-soċjetà ċivili tal-Ewropa, dawk li jfasslu l-politika tal-UE, l-esperti, il-ġurnalisti, u parteċipanti oħra se jingħaqdu flimkien biex jiddiskutu waħda mill-aktar sfidi urġenti li qed niffaċċjaw illum – kif nistgħu niġġieldu l-polarizzazzjoni tas-soċjetajiet tagħna.
Xprunata minn kriżijiet li jikkoinċidu, mill-pandemija u t-tibdil fil-klima għaż-żieda fl-għoli tal-ħajja u d-distakki dejjem jikbru fl-introjtu – il-polarizzazzjoni infirxet madwar l-UE u lil hinn minnha, approfondiet id-diviżjonijiet soċjali, naqqset il-fiduċja fl-istituzzjonijiet demokratiċi, u qed titfa’ pressjoni fuq l-unità tal-komunità.
F’dan il-kuntest, il-Ġimgħa tas-Soċjetà Ċivili 2025 hija sejħa kuraġġuża għal azzjoni sabiex titrawwem il-koeżjoni soċjali u tissaħħaħ il-parteċipazzjoni demokratika. Permezz ta’ dibattiti vivaċi u workshops kollaborattivi, dan il-forum ta’ erbat ijiem se jipprovdi pjattaforma unika għall-parteċipanti kollha biex jinvolvu ruħhom f’diskussjonijiet kritiċi, jaqsmu l-aħjar prattiki, u jaħdmu flimkien biex jiżviluppaw soluzzjonijiet prattiċi.
X’inhu mistenni?
Il-Ġimgħa tas-Soċjetà Ċivili 2025 ser tinkludi diskussjonijiet tal-panel immexxija mill-Grupp ta’ Kuntatt tal-KESE, kif ukoll il-Jum l-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej (IĊE) u ċ-ċerimonja tal-għoti tal-Premju tal-KESE għas-Soċjetà Ċivili.
Hija se tibda b’diskors ewlieni li jqanqal il-ħsieb mill-istudjuż, il-kittieb u l-kummentatur politiku Albena Azmanova, li se jwitti t-triq, u jsawwar id-diskors għad-dibattiti li se jsiru wara.
Fil-panel ta’ livell għoli sussegwenti, se niddiskutu l-mistoqsija “Għadna Magħquda fid-Diversità?”. Il-membri tal-panel se jinkludu l-Viċi President tal-Parlament Ewropew Younous Omarjee; il-Ministru għas-Soċjetà Ċivili f’isem il-Presidenza Pollakka Adriana Porowska; il-President tal-KESE Oliver Röpke; il-Kopresident tal-Grupp ta’ Kuntatt tal-KESE Brikena Xhomaqi; is-Segretarju Ġenerali tal-Moviment Ewropew Internazzjonali Petros Fassoulas; u Mădălina-Mihaela Antoci mill-Kunsill Nazzjonali taż-Żgħażagħ tal-Moldova.
Matul il-Ġimgħa tas-Soċjetà Ċivili, se nesploraw kif l-edukazzjoni ċivika tista’ tgħin biex jitnaqqsu d-distakki, kif l-Ewropa tista’ tmexxi fl-innovazzjoni mingħajr ma tikkomprometti l-valuri tagħha, u kif l-akkomodazzjoni tista’ ssir aktar affordabbli u sostenibbli filwaqt li jiġi indirizzat il-faqar enerġetiku u jiġi appoġġjat l-għajxien multiġenerazzjonali. Se nħarsu wkoll lejn modi kif insaħħu s-soċjetà ċivili permezz ta’ appoġġ pubbliku u filantropiku, kif nistgħu niżguraw li l-politiki tal-UE jirriflettu l-ħtiġijiet lokali fit-tranżizzjoni ekoloġika u blu, u kif nirrikonoxxu, nipproteġu u ninvolvu ruħna mas-soċjetà ċivili madwar l-Ewropa b’mod aktar effettiv.
Sessjoni speċjali, ospitata flimkien mal-Parlament Ewropew, se tindirizza speċifikament il-Qafas Finanzjarju Pluriennali (QFP) u l-implikazzjonijiet tiegħu għas-soċjetà ċivili.
Jum tal-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej 2025
Fil-Jum l-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej fit-18 ta’ Marzu, l-enfasi se tkun fuq l-għodda b’saħħitha tad-demokrazija parteċipattiva li hija l-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej (IĊE). Introdotta mit-Trattat ta’ Lisbona, l-inizjattiva tippermetti liċ-ċittadini jitolbu lill-Kummissjoni Ewropea tipproponi leġiżlazzjoni ġdida tal-UE dwar kwistjoni partikolari. Biex jiġu kkunsidrati mill-Kummissjoni, l-organizzaturi jridu jiġbru miljun (1) firma biex jappoġġjaw il-kawża tagħhom.
Permezz ta’ diskussjonijiet ta’ livell għoli u workshops interattivi, il-parteċipanti se jesploraw suġġetti ewlenin bħar-rwol tal-IĊE fl-indirizzar tal-polarizzazzjoni u modi kif jinbena appoġġ aktar b’saħħtu madwar l-Istati Membri. Se jkun hemm enfasi speċjali fuq kif l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili jistgħu jipparteċipaw b’mod attiv fil-proċess tal-IĊE sabiex l-ilħna taċ-ċittadini jinstemgħu fit-tfassil tal-politika Ewropea.
Il-parteċipanti se jkollhom ukoll opportunità unika biex jitkellmu direttament ma’ organizzaturi ta’ IĊE – tal-passat, tal-preżent u tal-futur biex jiskambjaw l-aħjar prattiki u t-tagħlimiet meħuda għall-kampanji tagħhom stess.
Barra minn hekk, l-avveniment se jenfasizza l-importanza tal-istrateġiji tal-impatt biex l-IĊE u l-panels taċ-ċittadini jsiru aktar effettivi, b’enfasi fuq iż-żieda tal-possibbiltajiet ta’ segwitu leġiżlattiv mill-istituzzjonijiet tal-UE.
Premju għas-Soċjetà Ċivili 2025
L-aħħar jum tal-Ġimgħa tas-Soċjetà Ċivili 2025 se jinkludi, fost affarijiet oħra, il-15-il ċerimonja tal-għoti tal-Premju tal-KESE għas-Soċjetà Ċivili.
L-għan tal-Premju għas-Soċjetà Ċivili huwa li jkun hemm sensibilizzazzjoni dwar il-kontribut eċċellenti tas-soċjetà ċivili għall-ħolqien ta’ identità u ċittadinanza Ewropej, kif ukoll għall-promozzjoni tal-valuri komuni li jsaħħu l-integrazzjoni Ewropea. Dan jingħata kull sena lill-individwi u lill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili għall-proġetti innovattivi u kreattivi tagħhom mingħajr skop ta’ qligħ dwar temi differenti rilevanti għall-UE.
Din is-sena l-premju se jingħata lil tliet proġetti li jiġġieldu l-polarizzazzjoni dannuża tas-soċjetà tal-UE.
Il-Ġimgħa se tintemm b’sessjoni ta’ għeluq dinamika, b’kelliema li jinkludu l-Viċi President Eżekuttiv tal-Kummissjoni Ewropea (għad irid jiġi kkonfermat); il-Viċi President tal-Parlament Ewropew Katarina Barley, il-President tal-KESE Oliver Röpke; u s-Segretarju Ġenerali tal-Fondazzjoni Ċentru għad-Demokrazija fis-Serbja Nataša Vučković.
Kun parti mid-diskussjoni!
Matul l-erbat ijiem ta’ diskussjonijiet siewja, interventi ta’ ispirazzjoni minn kelliema ta’ livell għoli, u opportunitajiet kbar ta’ networking, il-Ġimgħa tas-Soċjetà Ċivili 2025 se tkun avveniment li mhux ta’ min jitilfu. Irriżerva l-post tiegħek illum u ngħaqad magħna biex id-diskussjoni tinbidel f’azzjoni ta’ bidla. Leħnek huwa importanti fil-bini ta’ Ewropa aktar koeżiva u parteċipattiva!
Il-programm sħiħ hu disponibbli hawnhekk.
Irreġistra hawn qabel it-12 ta’ Marzu. (ma)