Is-suq tal-elettriku għandu jiġi riformat b’tali mod li ma jkunx limitat biss għall-ilħuq tal-miri tan-newtralità klimatika sal-2050. Skont il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, huwa essenzjali li jiġu żgurati s-sigurtà tal-provvista, prezzijiet stabbli u affordabbli u d-dritt għall-enerġija sabiex jiġu protetti l-gruppi vulnerabbli.

Fl-Opinjoni dwar Il-futur tal-provvista u l-ipprezzar tal-elettriku fl-UE, ippubblikata f’Jannar u mfassla minn Jan Dirx u Thomas Kattnig, il-KESE jirrakkomanda mudell ta’ regolamentazzjoni governattiva fejn meħtieġ u intraprenditorija privata fejn possibbli, u jirrakkomanda faċilità tal-elettriku.

Din tista’ tkun f’forma ta’ kumpanija stabbilita mill-gvern li taġixxi bħala ġeneratur tas-suq fis-suq tal-elettriku, u b’hekk jintlaħqu l-għanijiet tan-newtralità klimatika, is-sigurtà tal-provvista, u prezzijiet stabbli u affordabbli.

Skont il-Kumitat, il-bidliet meħtieġa fis-suq tal-elettriku għandhom jitwettqu fi tliet stadji:

  • Fażi 1 – minn issa sal-2030

    Il-faċilità tal-elettriku ser tkabbar il-portafoll tagħha b’taħlita ta’ ġenerazzjoni tal-enerġija (mhux tas-CO2). Matul dan il-perjodu, in-negozjar tal-enerġija ser iseħħ fuq bażi ta’ negozjar ta’ ġurnata bil-quddiem iżda l-influwenza tal-faċilità tal-elettriku fis-suq ser tikber.

  • Fażi 2 – mill-2030 sal-2040

    Il-faċilità tal-elettriku ser tikseb il-pożizzjoni tagħha ta’ ġeneratur tas-suq u ser tikkontrolla parti adegwata tal-lat tal-provvista tas-suq permezz ta’ kuntratti għall-provvista. In-negozjar ta’ ġurnata bil-quddiem ser jaġġusta ruħu matul dan il-perjodu kif meħtieġ.

  • Fażi 3 – mill-2040 sal-2050

    Il-faċilità tal-elettriku ser tottimizza l-lat tal-provvista tal-elettriku biex tiżgura, mill-2050, provvista sostenibbli fit-tul tal-elettriku b’emissjonijiet ta’ gassijiet serra żero netti bi prezzijiet stabbli u prevedibbli. (mp)