European Economic
and Social Committee
Editorjal
Hekk kif Marzu daqt magħna u r-rebbiegħa tieħu post ix-xitwa, il-KESE ħejja sett ta’ avvenimenti dinamiċi, li jixħtu dawl fuq leħen iż-żgħażagħ u s-soċjetà ċivili.
L-ewwel avveniment se jkun is-16-il edizzjoni tal-avveniment “L-Ewropa Tiegħek, Leħnek”. Fit-13 u l-14 ta’ Marzu 2025, l-avveniment “L-Ewropa Tiegħek, Leħnek”, kif inhu magħruf sew, se jlaqqa’ flimkien kważi 100 parteċipant żagħżugħ minn organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ, kunsilli nazzjonali taż-żgħażagħ u skejjel sekondarji, kif ukoll 37 għalliem mill-Istati Membri tal-UE, il-pajjiżi kandidati u r-Renju Unit. Ilkoll kemm huma se jaqsmu esperjenza unika li fiha se jsemmgħu leħinhom biex isawru l-Ewropa li jixtiequ jgħixu fiha.
Ir-rakkomandazzjonijiet tagħhom jistgħu jservu ta’ kontribut għat-tieni Ġimgħa tas-Soċjetà Ċivili tal-KESE, bħala bażi għal diskussjonijiet iffukati fuq iż-żgħażagħ li se jsiru ftit wara. Ir-rakkomandazzjonijiet jistgħu jiġu kondiviżi wkoll mar-rappreżentanti ta’ livell għoli mill-istituzzjonijiet Ewropej.
Wara l-ewwel edizzjoni promettenti fl-2024, din is-sena l-Ġimgħa tas-Soċjetà Ċivili se ssir mis-17 sal-21 ta’ Marzu u se tiffoka fuq It-tisħiħ tal-koeżjoni u l-parteċipazzjoni f’soċjetajiet polarizzati. L-instabbiltà soċjali, it-tnaqqis fir-ritmu ekonomiku u l-iskuntentizza mifruxa, b’mod partikolari fost dawk li ma jħossux li qed jingħataw widen u li tħallew jaqgħu lura, komplew jaggravaw d-diviżjonijiet tas-soċjetà.
Biex tindirizza dan it-tħassib urġenti, il-Ġimgħa tas-Soċjetà Ċivili 2025 se tlaqqa’ flimkien firxa wiesgħa ta’ partijiet interessati tas-soċjetà ċivili mill-Ewropa u lil hinn minnha, u tipprovdilhom pjattaforma unika biex jinvolvu ruħhom f’dibattiti kritiċi, jikkondividu l-aħjar prattiki, u jikkollaboraw biex jiżviluppaw soluzzjonijiet li jrawmu l-koeżjoni soċjali u jsaħħu l-involviment demokratiku.
Din is-sena l-aġenda se tiġbor flimkien tliet inizjattivi ewlenin: l-organizzazzjonijiet u n-networks Ewropej tas-soċjetà ċivili (panels tal-Gruppi ta’ Kuntatt tal-KESE), diskussjoni dwar kif l-Istrateġija tas-Soċjetà Ċivili Ewropea tista’ trawwem koeżjoni akbar; Jum l-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej (IĊE) u r-rwol tal-IĊE fil-ġlieda kontra l-polarizzazzjoni; u ċ-ċerimonja tal-għoti tal-Premju għas-Soċjetà Ċivili. It-tema tal-15-il Premju għas-Soċjetà Ċivili, li jippremja l-eċċellenza fl-inizjattivi tas-soċjetà ċivili, hija l-ġlieda kontra l-polarizzazzjoni dannuża tas-soċjetà Ewropea. Ir-rebbieħa ġejjin mill-Belġju, irrappreżentati mill-organizzazzjoni tas-soċjetà ċivili “Diversity”; minn Franza “Réporteurs d’Espoirs”; u mis-Slovakkja “Slovenská debatná asociácia”. Il-klassifikazzjoni se titħabbar matul iċ-ċerimonja tal-premjazzjoni!
Il-Ġimgħa tas-Soċjetà Ċivili tagħna taġixxi bħala pjattaforma f’waqtha, u tappella lis-soċjetà ċivili organizzata u liċ-ċittadini biex jesprimu ruħhom dwar kwistjonijiet ewlenin, mill-isfidi dejjem jikbru tat-tibdil fil-klima, iż-żieda fl-għoli tal-ħajja u d-distakki dejjem jikbru fl-introjtu, għall-eżiti tal-elezzjonijiet tal-2024 fid-dinja kollha, li lkoll ħolqu art fertili għal polarizzazzjoni mifruxa.
Nistiednek tieħu sehem f’dan l-iskambju sinifikanti billi tingħaqad mad-diskussjonijiet tagħna u taħtaf l-opportunità biex il-konverżazzjoni nsarrfuha f’bidla. Il-vuċijiet tagħna huma importanti u jistgħu jinstemgħu dment li nibqgħu flimkien, proattivi u lesti li nikkontribwixxu għal Ewropa aktar koeżiva u parteċipattiva. Ir-reġistrazzjonijiet huma miftuħin! Titlifx din l-opportunità!
Laurentiu Plosceanu
Viċi President għall-Komunikazzjoni