Fl-Ewropa, l-enerġija ġeotermali għandha potenzjal sinifikanti mhux sfruttat u l-Unjoni Ewropea għandha tieħu azzjoni urġenti biex tadotta strateġija Ewropea għall-enerġija ġeotermali bil-għan li jiġu sfruttati l-benefiċċji tagħha.

Fis-sessjoni plenarja tiegħu ta’ Ottubru, il-KESE ħa pożizzjoni inekwivoka dwar l-enerġija. F’Opinjoni mfassla minn Zsolt Kükedi u Thomas Kattnig, il-KESE jenfasizza li l-produzzjoni tal-enerġija ġeotermali għandha emissjonijiet ta’ gassijiet serra estremament baxxi, u tista’ taqdi rwol ewlieni fit-tranżizzjoni ekoloġika tal-UE billi tnaqqas id-dipendenza tal-Ewropa fuq il-fjuwils fossili u tiffaċilita d-dekarbonizzazzjoni tagħha.

“L-enerġija ġeotermali tista’ tagħti kontribut siewi biex jintlaħqu l-għanijiet tan-newtralità klimatika tal-UE sal-2050,” qal is-Sur Kükedi. “Il-potenzjal ta’ din l-enerġija għadu mhux sfruttat, u l-Kummissjoni Ewropea għandha tieħu azzjoni immedjata biex tfassal strateġija komprensiva li tisfrutta r-riżorsi tagħha”, żied jgħid is-Sur Kattnig.

Il-KESE jirrimarka li l-investiment fl-impjanti tal-enerġija ġeotermali mhux se jagħtu r-riżultati mixtieqa mingħajr appoġġ finanzjarju fil-livell nazzjonali. B’mod aktar speċifiku, se jkunu meħtieġa finanzjament u inċentivi pubbliċi biex jiġi attirat l-investiment inizjali u jitnaqqas ir-riskju involut.

Barra minn hekk, huwa importanti ninnutaw li l-bidliet fil-politika tal-enerġija jew fil-finanzjament jistgħu jaffettwaw l-attraenza ekonomika tal-proġetti ġeotermali.

Il-bini ta’ impjanti tal-enerġija ġeotermali jinvolvi riskji u dawk ir-riskji jeħtieġ li jiġu identifikati b’mod preċiż, speċjalment dawk relatati mal-impatti ambjentali. Għal din ir-raġuni, huwa essenzjali li dan il-proċess jitwettaq bl-involviment tal-komunitajiet lokali, bil-għan li tiżdied l-aċċettazzjoni pubblika.

Madankollu, il-benefiċċji ambjentali u klimatiċi tal-enerġija ġeotermali jisbqu r-riskji, peress li l-enerġija ġeotermali hija waħda mill-aħjar sorsi ta’ enerġija rinnovabbli f’termini tal-użu tal-art, l-użu tar-riżorsi u d-dipendenza mill-importazzjoni. (mp)