European Economic
and Social Committee
Sir af xi wħud mill-kandidati l-oħra
L-edizzjoni ta’ din is-sena tal-premju attira 58 applikazzjoni minn individwi, negozji privati u organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili f’ħafna Stati Membri Ewropej, li jirriflettu distribuzzjoni ġeografika wiesgħa.
L-applikazzjonijiet ikopru varjetà kbira ta’ suġġetti, li jvarjaw mill-involviment u l-awtonomizzazzjoni taż-żgħażagħ għall-koeżjoni u l-inklużjoni soċjali, mil-litteriżmu medjatiku u l-miżinformazzjoni għad-drittijiet tal-bniedem u l-ugwaljanza bejn il-ġeneri.
Ħafna inizjattivi jindirizzaw il-problema fl-għeruq tagħha u jikkontribwixxu biex jipprevjenu l-polarizzazzjoni.
Inizjattivi bħall-EUth Voices for Social Change, immexxija mill-organizzazzjoni mingħajr skop ta’ qligħ Youthmakers Hub fil-Greċja, għandhom l-għan li jagħtu jawtonomizzaw liż-żgħażagħ biex jikkultivaw bidla pożittiva fil-komunitajiet tagħhom. Dawn il-proġetti jindirizzaw il-polarizzazzjoni dannuża, jibnu kultura ta’ tolleranza billi jħeġġu lin-nies jinvolvu ruħhom fi djalogi kostruttivi u jirreżistu narrattivi diviżivi, pereżempju permezz ta’ taħriġ fil-litteriżmu diġitali u l-podcasting.
Proġetti oħra jiġġieldu n-narrattivi polarizzanti u r-radikalizzazzjoni. Dawn inaqqsu d-distakki kulturali, etniċi u ġenerazzjonali, jindirizzaw id-diviżjonijiet fis-soċjetà, irawmu l-fehim u l-kooperazzjoni reċiproċi, jipproteġu d-drittijiet fundamentali u jispiraw il-koeżjoni soċjali.
DEMDIS Digital Discussion, inizjattiva mnedija minn DEMDIS fis-Slovakkja, ħolqot pjattaforma ġdida ta’ software biex tiġi ospitata diskussjoni diġitali ġusta – anke dwar suġġetti kontroversjali. L-utenti jivvutaw dwar id-dikjarazzjonijiet u jitqiegħdu fi gruppi ta’ opinjoni separati. Billi jinstab qbil komuni, il-proġett jibni pontijiet bejn dawn il-kampijiet polarizzati.
Il-Gwida dwar id-Drittijiet tal-Bniedem tas-Soċjetà Baltika tad-Drittijiet tal-Bniedem hija eżempju wieħed tal-mod kif is-soċjetà ċivili tista’ taħdem biex tiddefendi d-drittijiet fundamentali. Il-Gwida taħdem bħala pjattaforma għall-edukazzjoni dwar id-drittijiet tal-bniedem, u toffri spjegazzjonijiet multilingwi dwar kif id-drittijiet tal-bniedem jistgħu u għandhom jaħdmu f’sitwazzjonijiet speċifiċi fil-ħajja ta’ kuljum.
L-applikazzjonijiet ta’ din is-sena kien fihom ukoll diversi approċċi kulturali u artistiċi biex tiġi indirizzata l-polarizzazzjoni, bħall-Atlas ġeopolitiku tal-kultura u tal-mezzi tax-xandir indipendenti fl-Ewropa ta’ Arty Farty. Din l-inizjattiva tenfasizza temi ta’ prijorità għal network ta’ organizzazzjonijiet tal-mezzi tax-xandir u kulturali indipendenti madwar l-Ewropa, bħall-inklużjoni, it-tnaqqis tad-distakki territorjali jew il-ħtieġa li tiġi miġġielda d-diżinformazzjoni. Dawn il-proġetti juru li l-kultura u l-mezzi tax-xandir jista’ jkollhom rwol trasformattiv fid-depolarizzazzjoni tas-soċjetà.