European Economic
and Social Committee
Il-KESE rrappreżenta għall-ewwel darba lis-soċjetà ċivili Ewropea fil-Kummissjoni tan-NU dwar l-Istatus tan-Nisa
F’Marzu, il-KESE ħa sehem fit-68 sessjoni tal-Kummissjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar l-Istatus tan-Nisa (Commission on the Status of Women, CSW68), il-korp internazzjonali u intergovernattiv ewlieni li jiġġieled għall-ugwaljanza bejn il-ġeneri, li saret fi New York.
Din kienet l-ewwel darba li l-KESE pparteċipa fl-akbar laqgħa annwali tan-NU dwar it-tisħiħ tal-pożizzjoni tan-nisa, li din is-sena ffukat fuq it-tmiem tal-faqar tan-nisa. Waqt li ta vuċi lis-soċjetà ċivili Ewropea fil-ġlieda tagħha għall-ugwaljanza bejn il-ġeneri, il-KESE kkontribwixxa għat-tema b’dikjarazzjoni li tinkludi għaxar punti ta’ azzjoni għall-emanċipazzjoni ekonomika u l-protezzjoni soċjali tan-nisa.
Id-delegazzjoni tal-KESE kienet immexxija mill-President Oliver Röpke, li għamel l-ugwaljanza bejn il-ġeneri prijorità ewlenija tal-ħidma tiegħu u tal-presidenza tiegħu. Il-President Röpke qal: “Il-KESE għandu storja twila fejn jippromovi politiki tal-UE u globali biex tiġi avvanzata l-ugwaljanza bejn il-ġeneri u jiġu indirizzati l-inugwaljanzi ekonomiċi u soċjali li n-nisa u l-bniet għadhom ibatu minnhom illum. Iżda din hija l-ewwel darba li ħadna din il-ħidma, taħt vuċi waħda tas-soċjetà ċivili Ewropea, fl-ogħla stadju possibbli f’din il-ġlieda kollettiva lejn l-ugwaljanza globali bejn il-ġeneri. Il-faqar mhuwiex newtrali mil-lat tal-ġeneru, u għalhekk lanqas m’għandha tkun hekk ir-risposta tagħna”.
Il-punti ta’ azzjoni elenkati fid-Dikjarazzjoni tal-KESE inkludew il-pożizzjonijiet tal-KESE dwar it-tema tas-CSW68. Dawn kellhom l-għan li javvanzaw l-ugwaljanza bejn il-ġeneri, jindirizzaw il-faqar u jsaħħu l-istituzzjonijiet permezz ta’ perspettiva tal-ġeneru, f’konformità mal-prijoritajiet tal-UE. Fost affarijiet oħra, dawn inkludew ukoll il-protezzjoni tan-nisa minn kull tip ta’ vjolenza, l-iżgurar ta’ servizzi tal-kura tas-saħħa aċċessibbli, ir-rappreżentanza ġusta tan-nisa fis-suq tax-xogħol, l-appoġġ għat-tmexxija min-nisa u l-iżgurar ta’ opportunitajiet indaqs permezz tal-edukazzjoni.
“Sena minn issa, nittama li nkun nista’ ngħid li l-preżenza tal-KESE fil-UNCSW għenet biex dawn it-talbiet jingħataw vuċi aktar b’saħħitha. Nistgħu u għandna nkunu kritiċi. Neħtieġu l-vuċijiet kritiċi tas-soċjetà ċivili, tal-partijiet interessati, tal-NGOs u tal-istituzzjonijiet li jaħdmu lejn dan il-għan kollettiv u kondiviż: Ewropa aktar ugwali, dinja aktar ugwali. Nistgħu u għandna nindikaw it-triq ’il quddiem,” qal il-President Röpke. Il-KESE kien jifforma parti minn delegazzjoni tal-UE rrappreżentata mill-Presidenza tal-UE. Kellu rwol ta’ osservatur, flimkien mal-Parlament Ewropew. Apparti l-President, id-delegazzjoni tal-KESE kienet magħmula mill-membri li ġejjin: Christa Schweng, Mariya Mincheva, Cinzia del Rio, Maria Nikolopoulou, Chiara Corazza u Sif Holst, il-President tal-Grupp dwar l-Ugwaljanza tal-KESE. (ll)