Fis-27 ta’ Frar, il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (KESE), Oliver Röpke, u l-President tal-Parlament Ewropew (PE), Roberta Metsola, iffirmaw Memorandum ta’ Qbil dwar il-kooperazzjoni bi tħejjija għall-elezzjonijiet Ewropej.

L-għan tas-sħubija huwa li tapprofondixxi l-kooperazzjoni bejn iż-żewġ istituzzjonijiet biex jiġu promossi l-elezzjonijiet Ewropej, tingħata spinta lill-parteċipazzjoni elettorali – speċjalment fost dawk li ma joħorġux jivvutaw u dawk li se jivvutaw għall-ewwel darba – u tiġi miġġielda l-manipulazzjoni tal-informazzjoni.

Fost miżuri oħra, l-istituzzjonijiet qablu li jżidu l-kooperazzjoni tagħhom fir-rigward tal-komunikazzjoni dwar l-elezzjonijiet, jikkoordinaw l-organizzazzjoni ta’ avvenimenti, bħall-Jum għall-Pubbliku jew il-Ġimgħa tas-Soċjetà Ċivili, u jikkondividu informazzjoni fuq il-pjattaformi “flimkien.eu” u “X’qed tagħmel għalija l-Ewropa”.

Il-President tal-KESE, Oliver Röpke, qal li: “L-elezzjonijiet Ewropej se jkunu test deċiżiv tad-demokrazija Ewropea. Il-KESE jista’ jkun il-pjattaforma biex is-soċjetà ċivili tingħaqad għad-demokrazija. Nilqa’ l-Memorandum ta’ Qbil tal-lum mal-Parlament Ewropew, li jippermettilna nieħdu rwol aktar attiv fit-tħejjija għall-elezzjonijiet u ninvolvu ruħna mal-votanti biex ikun hemm parteċipazzjoni ikbar fl-elezzjonijiet. Il-KESE u l-Parlament Ewropew huma msieħba u alleati.”

Il-Memorandum jelenka oqsma speċifiċi fejn il-kooperazzjoni bejn il-KESE u l-Parlament Ewropew għandha titkompla u tissaħħaħ fit-tħejjija għall-elezzjonijiet Ewropej tal-2024. (kn/ll)