European Economic
and Social Committee
Il-KESE jappella għal aktar awtonomija tal-UE fis-setturi tal-enerġija, l-ikel, l-ilma u l-materja prima biex l-emerġenzi jiġu indirizzati aħjar
Il-KESE qed iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżviluppaw pjan biex l-UE tkun iktar ippreparata għall-emerġenzi. B’mod partikolari, il-pjan għandu jżid is-sovranità tal-UE fil-ġenerazzjoni tal-enerġija, il-produzzjoni tal-ikel u tal-ilma u l-estrazzjoni tal-materja prima.
Hekk kif qed toqrob ix-xitwa u l-ispejjeż tal-enerġija qed iħassbu liċ-ċittadini, il-KESE jrid li l-UE ttejjeb ir-reżiljenza tagħha sabiex tkun tista’ tindirizza kriżijiet futuri.
F’Opinjoni fuq inizjattiva proprja, adottata waqt l-aħħar sessjoni plenarja, il-KESE enfasizza t-twemmin tiegħu li fil-politiki kollha dwar l-enerġija għandu jiġi integrat it-titjib kontinwu biex tiżdied ir-reżiljenza tas-sistemi tal-enerġija għal emerġenzi naturali, politiki jew oħrajn.
Dan għandu jinkludi l-katina kollha ta’ produzzjoni, inklużi r-riċerka u l-iżvilupp, l-ipproċessar tal-materjal, id-diżinn, il-manifatturar, l-installazzjoni, it-tnedija u l-manutenzjoni tal-faċilitajiet fis-suq uniku tal-UE. L-awtonomija tgħin jiġu eliminati l-faqar enerġetiku u l-qgħad.
Ir-relatur tal-Opinjoni, Paul Rübig, appella wkoll li jiġu appoġġjati ċ-ċittadini u l-konsumaturi li jixtiequ jinvestu fil-produzzjoni tagħhom u fl-effiċjenza fl-użu tal-enerġija: “Neħtieġu kampanji ta’ informazzjoni, inċentivi u sussidji fiskali u rridu nibnu infrastruttura ġdida tat-trasport fis-suq intern kollu, iżda wkoll barra l-Unjoni Ewropea”.
B’żieda ma’ dan, il-KESE jappella biex jiġu żgurati l-provvisti ta’ materja prima kritika bħar-ram, il-litju, il-kobalt u elementi tal-materjali tal-art rari permezz ta’ strateġiji ġodda tas-suq intern għall-estrazzjoni u r-riċkilaġġ. Huwa jirrakkomanda li jiġu salvagwardjati s-sorsi taż-żejt, tal-faħam, tal-gass, tal-uranju, tal-ilma, tal-ikel u tal-għalf tal-annimali u li jitfasslu pjani għar-razzjonalizzazzjoni tal-enerġija, tal-ikel, tal-ilma u tal-faċilitajiet tas-sanità.