Mill-Grupp tal-Organizzazzjonijiet tas-Soċjetà Ċivili tal-KESE

Maroš Šefčovič, Viċi President Eżekuttiv tal-Kummissjoni Ewropea, għażel il-konferenza tagħna It-tisħiħ tal-pożizzjoni tal-konsumaturi b’rabta mat-tibdil fil-klima għall-ewwel wieħed mid-“Djalogi Ekoloġiċi” tiegħu, li huwa ħabbar fis-seduta ta’ smigħ tiegħu quddiem il-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel tal-Parlament Ewropew għall-kariga ta’ Kummissarju Ewropew għall-Patt Ekoloġiku Ewropew f’Ottubru.

Attendew madwar 140 persuna għall-konferenza organizzata mill-Grupp tal-Organizzazzjonijiet tas-Soċjetà Ċivili, inklużi rappreżentanti nazzjonali u Ewropej tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u dawk li jfasslu l-politika f’livell Ewropew. L-avveniment inkluda t-tnedija ta’ studju kkummissjonat mill-KESE dwar L-ispiża tat-tibdil fil-klima għall-unitajiet domestiċi u l-familji fl-UE. Huwa xeħet dawl ukoll fuq ir-rwol tal-konsumaturi u l-ħtieġa għal tranżizzjoni ekoloġika ambjentalment, soċjalment u ekonomikament sostenibbli u inklużiva, li tirrikjedi politiki mmirati u kooperazzjoni fost il-partijiet ikkonċernati kollha.

Fid-diskors tiegħu għall-ftuħ l-avveniment, Séamus Boland, President tal-Grupp tal-Organizzazzjonijiet tas-Soċjetà Ċivili, qal li l-Grupp kien laqa’ b’sodisfazzjon it-tħabbira tas-Sur Šefčovič dwar djalogi ekoloġiċi. “Onorajtna billi għażilt il-konferenza tagħna għall-ewwel djalogu ekoloġiku tiegħek.”

Is-Sur Šefčovič qal li qed jippjana li jorganizza djalogi ekoloġiċi fuq bażi regolari bil-għan li jiġi kkultivat u msaħħaħ l-appoġġ pubbliku għall-Patt Ekoloġiku Ewropew. “Irridu nuru li mhux biss għandna s-soluzzjonijiet legali, iżda nisimgħu u nagħtu kas ukoll, u dejjem lesti li naħdmu mal-partijiet ikkonċernati biex insibu soluzzjonijiet ibbilanċjati. Dawn is-soluzzjonijiet se jgħinuna nindirizzaw it-tibdil fil-klima, inkunu soċjalment responsabbli, u se jgħinu wkoll biex jinħolqu impjiegi ta’ kwalità għolja fl-Ewropa. Il-Kumitat tagħkom, flimkien mal-Grupp tagħkom, huwa forum eċċellenti għal dawn id-djalogi.”

Kompli aqra biex issir taf iżjed dwar id-dibattiti. Il-konklużjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet li ħarġu mill-konferenza huma disponibbli hawnhekk: sit web tal-KESE.