European Economic
and Social Committee
Nivvalutaw il-progress tal-SDGs: sejħa għal azzjoni
F’dinja li qed tistinka għal progress sostenibbli, huwa evidenti li minkejja li l-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli (SDGs) tan-Nazzjonijie Uniti qegħdin joqorbu lejn nofs l-iskeda ta’ implimentazzjoni tagħhom, għad fadal sfidi sinifikanti. Fl-Opinjoni tiegħu adottata fil-plenarja ta’ Ottubru, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (KESE) jenfasizza l-ħtieġa li l-Unjoni Ewropea (UE) tadotta strateġija integrata u komprensiva b’għanijiet u pjani ambizzjużi u fit-tul.
Rapport reċenti tan-NU jiżvela tendenzi allarmanti hekk kif jindika li 12 % biss ta’ madwar 140 mira tal-SDGs mexjin fit-triq it-tajba globalment. Il-KESE jħeġġeġ impenn politiku dejjiemi mill-UE li jinvolvi l-involviment bikri tal-partijiet ikkonċernati u riżorsi suffiċjenti. Il-Kumitat jenfasizza li l-SDGs għandhom jibqgħu impenn wara l-2030.
Il-KESE jenfasizza l-importanza ta’ impenn politiku fit-tul mill-Kummissjoni li jmur lil hinn mill-mandat attwali. Dan l-impenn għandu jinkludi l-involviment bikri tal-partijiet ikkonċernati, ir-rappreżentanza minn istituzzjonijiet oħra u riżorsi adegwati biex tiġi żgurata l-parteċipazzjoni inklużiva tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili. Il-KESE jemmen bis-sħiħ li l-SDGs iridu jibqgħu impenn fit-tul, anke wara l-2030.
Maria Nikolopoulou, ir-relatur tal-Opinjoni qalet: “Inħeġġu lill-Kummissjoni żżomm l-implimentazzjoni tal-SDGs fuq nett tal-aġenda politika, anke wara l-2030, u timplimenta l-mezzi biex titfassal strateġija globali tal-UE għall-mandat li jmiss”.
Biex taċċellera l-progress, il-KESE tirrakkomanda li ngħaddu minn approċċ kompartimentalizzat għal approċċ olistiku, u jiġu ssemplifikati l-politiki għall-iżvilupp sostenibbli. L-involviment ta’ diversi setturi, inklużi s-soċjetà ċivili, is-setturi pubbliċi u privati, l-akkademja, u l-organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ u tan-nisa, huwa kruċjali. Il-KESE jirrakkomanda djalogu strutturat mas-soċjetà ċivili bl-involviment tal-kumpaniji, it-trade unions u l-organizzazzjonijiet fil-livell lokali.
“L-SDGs għadhom perfettament rilevanti llum il-ġurnata. Għandna nkomplu naħdmu fuqhom flimkien”, qalet il-korelatur Antje Gerstein. (ks)