L-avveniment ewlieni ta’ komunikazzjoni tal-KESE, li jlaqqa’ flimkien professjonisti tal-komunikazzjoni mill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, se jsir fi Bratislava fit-23 u l-24 ta’ Novembru. Fit-tħejjija għall-2024 li, bħalma jgħidu xi wħud, tista’ tiġi deskritta bħala “it-Tazza tad-Dinja tal-elezzjonijiet” minħabba l-għadd ta’ elezzjonijiet li se jsiru madwar id-dinja, Nikkollegaw l-UE se jiffoka fuq il-votazzjoni għall-Parlament Ewropew il-ġdid.

B’mod partikolari, is-seminar intitolat “L-elezzjonijiet Ewropej 2024. Għalfejn għandi nivvota?”, għandu l-għan li jagħti spinta lill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili biex jgħinu fil-promozzjoni tal-importanza tal-elezzjonijiet tal-UE u biex tintlaħaq rata ta’ parteċipazzjoni ta’ votanti għolja f’kuntest ta’ llaxkar tad-demokrazija f’bosta Stati Membri u nuqqas ta’ fiduċja fl-istituzzjonijiet demokratiċi li qed jolqot lill-pajjiżi kollha.
Is-seminar se janalizza speċifikament tliet temi, li jistgħu fil-fatt jiddominaw id-dibattiti fix-xhur li ġejjin:

  • Id-diżinformazzjoni u l-impatt tagħha fuq l-elezzjonijiet tal-2024: jista’ jingħad b’ċertezza li l-aħbarijiet foloz u n-narrattivi foloz se jkunu numerużi ħafna fil-kampanji elettorali għas-siġġijiet fil-Parlament Ewropew. Issa li l-IA qed issir il-fruntiera l-ġdida tad-diżinformazzjoni, se jkun saħansitra aktar diffiċli li tittieħed azzjoni kontriha? Ir-regoli l-ġodda tal-UE dwar id-diżinformazzjoni jistgħu jgħinu biex iwaqqfu lill-armati tat-trolls tal-midja soċjali milli jxerrdu l-gideb? Jistgħu jgħinu biex jitrażżan l-indħil barrani fl-elezzjonijiet? X’jista’ jsir kontra d-dilluvju ta’ diżinformazzjoni li qed ifiġġ fl-orizzont?
  • Il-mobilizzazzjoni tas-soċjetà tal-informazzjoni b’rabta mal-elezzjonijiet: x’inhu effettiv u x’mhuwiex? – Bid-demokrazija li qed tingħata l-ġenb fl-Ewropa kollha, is-soċjetà ċivili hija lesta li tfiehem lill-Ewropej dwar l-importanza tal-elezzjonijiet Ewropej u tikkonvinċihom biex joħorġu jivvotaw f’numri kbar? Fix-xenarju l-ġdid tal-komunikazzjoni, bil-midja tradizzjonali li tidher qed titlef il-ħakma tagħha, il-battalja għall-qlub u l-imħuħ tal-votanti se tintrebaħ fuq il-midja soċjali jew inkella bil-preżenza fiżika, fil-laqgħat pubbliċi? X’għandu jsir u x’għandu jiġi evitat fil-komunikazzjoni mal-votanti prospettivi – se nagħtu ħarsa lejn l-elezzjonijiet riċenti biex niskopru aktar.
  • L-elezzjonijiet u ż-żgħażagħ – Kif jistgħu ż-żgħażagħ jikkonvinċu ruħhom dwar l-importanza li jivvotaw? Kif jista’ jiġi żgurat li l-maġġoranza tagħhom jitfgħu l-vot? Bil-polls reċenti li qed juru li aktar minn nofs iż-żgħażagħ Ewropej ta’ inqas minn 25 sena jħossuhom abbandunati mill-politiki ġenerali u mill-UE, x’se jkun hemm bżonn biex jibdlu l-perċezzjoni tagħhom?

Is-seminar huwa parti mis-serje “Nikkollegaw l-Ewropa”, li kull sena toffri pjattaforma fejn il-professjonisti tal-istampa u l-komunikazzjoni minn organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili jistgħu jinteraġixxu u jiddiskutu dwar kwistjonijiet attwali ta’ interess komuni għall-Ewropa. Is-seminar ilaqqa’ membri tal-KESE u rappreżentanti oħra tal-UE, organizzazzjonijiet imsieħba mill-Istati Membri, ġurnalisti u riċerkaturi biex jiddiskutu l-kwistjonijiet jaħarqu tal-ġurnata.
Il-programm sħiħ u l-lista tal-kelliema se jkunu disponibbli dalwaqt fis-sit web tal-KESE. Għal aktar informazzjoni jekk jogħġbok ikteb lil: pressofficers@eesc.europa.eu.