Il-KESE jappella għal aktar azzjonijiet konġunti fl-ambitu tal-Istrateġija dwar is-Sigurtà Marittima tal-Unjoni Ewropea, li għandha l-għan li tippreserva s-sovranità, is-sigurtà u l-kompetittività tal-UE. Il-Kumitat jappoġġja l-kooperazzjoni bejn l-UE u n-NATO dwar is-sigurtà marittima u jindika l-importanza ta’ involviment b'saħħtu mal-imsieħba internazzjonali biex jiġu indirizzati b’mod kollettiv il-faċilitazzjoni ta’ dħul klandestin ta’ persuni u t-traffikar tal-bnedmin.

Fis-sessjoni plenarja ta’ Settembru, il-KESE adotta Opinjoni dwar il-Komunikazzjoni Konġunta tal-Kummissjoni dwar l-Istrateġija dwar is-Sigurtà Marittima tal-UE u l-Pjan ta’ Azzjoni tagħha, u enfasizza l-importanza tal-mulilateraliżmu bħala politika ewlenija tal-azzjoni esterna tal-UE fil-qasam tas-sigurtà marittima.

Il-KESE jemmen li l-kooperazzjoni bejn l-UE u n-NATO għandha tissaħħaħ aktar sabiex ikun hemm koordinazzjoni aktar effettiva f’oqsma differenti ta’ interess komuni, fosthom l-infrastruttura kritika.

Anastasis Yiapanis, membru tal-KESE u r-relatur tal-Opinjoni, qal: “L-Istrateġija dwar is-Sigurtà Marittima tal-UE hija konformi mal-Boxxla Strateġika tal-UE. Is-settur marittimu għandu jiġi pprijoritizzat u jinftiehem b’mod wiesa’, speċjalment fil-kuntest tat-theddid ibridu li qed jiżdied”.

Barra minn hekk, il-KESE jistieden lill-UE żżid l-involviment mal-imsieħba internazzjoni biex tindirizza kwistjonijiet ta’ tħassib reċiproku, bħall-faċilitazzjoni ta’ dħul klandestin ta’ persuni u t-traffikar tal-bnedmin.

Mateusz Szymański, membru tal-KESE u korelatur tal-Opinjoni, qal: “Is-sigurtà tal-ekwipaġġ għandha tkun prijorità għall-UE”.

Sfortunament, il-proposta għal Strateġija dwar is-Sigurtà Marittima tal-UE ma tagħmel ebda referenza għar-rwol tas-soċjetà ċivili. Il-KESE jenfasizza li huma meħtieġa kollaborazzjoni kontinwa u diskussjonijiet kostruttivi mas-soċjetà ċivili tal-UE, sabiex jiġi żgurat l-appoġġ pubbliku għall-proposta tal-Kummissjoni u l-azzjoni futura. (at)