Għeżież qarrejja,

Dan ix-xahar ta’ Ottubru jimmarka bidu ġdid għall-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (KESE), b’aktar minn 40 % tal-membri huma ġodda fil-Kumitat.
Il-membri l-ġodda nħatru u wasal biex jibda l-mandat ta’ ħames snin li jmiss tal-KESE. Il-wasla ta’ membri ġodda, bl-għarfien espert uniku tagħhom u b’entużjażmu ħaj, dejjem kienet sors maġġuri ta’ ispirazzjoni għall-KESE.

Dan it-terminu politiku ġdid jibda fi żmien meta l-isfidi li qegħdin jiffaċċjaw l-Ewropa u l-Unjoni Ewropea qatt ma kienu daqstant kbar. Il-pandemija tal-coronavirus qed tkompli tagħmel ħerba madwar il-kontinent, u qed tikkawża kriżijiet kbar tas-saħħa, soċjali u ekonomiċi. Barra minn hekk, l-UE tinsab f’kuntest ġeopolitiku ta’ sfida enormi.

Il-Kumitat jagħti kontribut ewlieni għall-kisba tal-prijoritajiet tal-Unjoni Ewropea billi jpoġġi liċ-ċittadin fil-qalba tal-opinjonijiet, il-pubblikazzjonijiet u l-attivitajiet tiegħu. Illum, aktar minn qatt qabel, irridu niżguraw li l-vuċi tas-soċjetà ċivili tinstema’ fix-xena Ewropea meta jitfasslu politiki u inizjattivi ġodda. Il-Kumitat se jaħdem fuq oqsma ta’ politika ewlenin li huma verament importanti għan-nies, fosthom Unjoni tas-Saħħa Ewropea aktar b’saħħitha, il-Patt Ekoloġiku Ewropew, id-drittijiet tal-bniedem u l-istat tad-dritt, il-patt il-ġdid dwar il-migrazzjoni, it-trasformazzjoni diġitali u l-konsegwenzi tal-Brexit. Aħna se niddibattu dwar għadd ta’ proposti ta’ politika li juru biċ-ċar il-ħtieġa li l-livelli kollha ta’ governanza jaħdmu flimkien mill-qrib.

Il-KESE se jaqdi r-rwol tiegħu bis-sħiħ billi jaħdem fl-Istati Membri, iżomm u jiżviluppa n-network ta’ kuntatti tiegħu mal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili nazzjonali u Ewropej, u billi jagħmel enfasi li jiġu mismugħa l-esperjenzi reali u l-aspirazzjonijiet tal-pubbliku u tan-negozji.

Dan se jkun possibbli permezz tal-għarfien espert li diġà għandna kif ukoll grazzi għalikom! L-impenn, il-kontribut bla heda, kif ukoll il-ħidma tagħkom bħala ambaxxaturi joffru perspettiva ġenwina u valur miżjud reali għall-attivitajiet tal-Kumitat. Flimkien mal-istituzzjonijiet l-oħra, aħna se naħdmu flimkien sabiex insibu soluzzjonijiet konġunti u koeżivi.

Nixtieq nieħu din l-opportunità sabiex nilqa’ lill-membri l-ġodda tagħna minn madwar l-Ewropa kollha. Nawguralkom kull suċċess għall-ħames snin li ġejjin, li se jkunu deċiżivi għall-ġejjieni tal-Unjoni Ewropea u għall-Kumitat tagħna. 

Gianluca Brunetti

Is-Segretarju Ġenerali tal-KESE