European Economic
and Social Committee
Ejjew nipproteġu lis-soċjetà ċivili taż-żgħażagħ u nsaħħu l-pożizzjoni tagħha
Mill-Grupp tal-Organizzazzjonijiet tas-Soċjetà Ċivili tal-KESE
F’Lulju, il-Grupp tal-Organizzazzjonijiet tas-Soċjetà Ċivili tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (KESE) u l-Federalisti Żgħażagħ Ewropej ikkoorganizzaw seminar taż-żgħażagħ dwar is-suġġett “Iż-żgħażagħ taħt pressjoni: il-ħarsien tas-soċjetà ċivili taż-żgħażagħ” Is-seminar ta segwitu lil webinars preċedenti dwar il-parteċipazzjoni ċivika taż-żgħażagħ li ġew organizzati mill-Grupp tal-Organizzazzjonijiet tas-Soċjetà Ċivili fl-2021 u l-2022.
Matul l-iskambju bejn ir-rappreżentanti taż-żgħażagħ u dawk istituzzjonali, fosthom il-kelliema mistiedna Dr Sergey Lagodinsky (Membru tal-Parlament Ewropew, Ħodor/AĦE), Alessia Valentino (Uffiċjal Legali, Kummissjoni Ewropea), u Christian Moos (membru tal-Grupp tal-Organizzazzjonijiet tas-Soċjetà Ċivili u relatur tal-Opinjoni li jmiss tal-KESE dwar il-pakkett dwar id-Difiża tad-Demokrazija), is-seminar indirizza t-tendenzi u l-ksur speċifiku tal-ispazji ċiviċi taż-żgħażagħ fl-Ewropa.
Matul l-avveniment ġiet enfasizzata l-ħtieġa urġenti għal djalogu ċiviku ikkoordinat fil-livell nazzjonali u Ewropew, żieda fil-finanzjament għall-organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ u parteċipazzjoni inklużiva għaż-żgħażagħ kollha. L-avveniment enfasizza wkoll il-ħtieġa għal mekkaniżmi biex jiġu protetti l-attivisti u għal segwitu sinifikanti għad-djalogi maż-żgħażagħ, kif ukoll li jiġu indirizzati r-restrizzjonijiet dejjem akbar fuq l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili. Minkejja l-perspettivi differenti u r-rikonoxximent tal-fatt li ma hemmx soluzzjoni waħda tajba għal kulħadd biex jiġi indirizzat it-tħassib fl-Istati Membri, il-kelliema u l-parteċipanti kollha kollettivament qablu li hemm bżonn urġenti li tiġi protetta s-soċjetà ċivili taż-żgħażagħ u li tissaħħaħ il-pożizzjoni tagħha sabiex jiġi żgurat li d-demokraziji jżommu l-vitalità tagħhom.
Il-lista sħiħa ta’ konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet mis-seminar hija disponibbli minn: https://europa.eu/!DFFpPj