European Economic
and Social Committee
Din is-sena rat il-41 tellieqa ta’ 20 km ta’ Brussell, li saret fit-12 ta’ Settembru. It-tellieqa kienet iddedikata għal żewġ kampanji: l-ewwel waħda, il-promozzjoni tal-Konferenza dwar il-Futur tal-Ewropa bl-islogan tagħha: “Il-futur jinsab f’idejk”, u t-tieni, l-appoġġ tal-azzjoni kontra l-kanċer u li jinġabru EUR 10 000 għall-ġlieda kontra l-kanċer u biex tiġi appoġġata r-riċerka. Għal din il-kampanja, EUR 10 minn kull miżata ta’ reġistrazzjoni marru direttament għand TELEVIE, avveniment għall-karità li ilu jiġi organizzat mill-1989 fil-Belġju frankofonu u fil-Lussemburgu minn RTL-TVI għall-benefiċċju tar-riċerka xjentifika kontra l-kanċer fit-tfal u l-adulti.
Aktar minn 22,000 persuna minn ‘il fuq minn 100 nazzjonalità ħadu sehem fit-tellieqa, ħafna minnhom jiġru u oħrajn jimxu jew rekbin hand-bikes jew siġġu tar-roti, li kollha flimkien imxew jew ġrew mit-toroq ta’ Brussell. Aktar minn 800 kollega mill-istituzzjonijiet Ewropej ħadu sehem fit-tellieqa, lebsin il-flokk tat-tim “Running for Europe”.
Din is-sena t-tellieqa ntrebħet minn Amaury Paquet minn Liège fil-Belġju, li spiċċa f’ħin ta’ 59’31, li hu t-tielet l-aktar ħin veloċi fl-istorja ta’ dan l-avveniment. Fit-tellieqa tan-nisa, Florence De Cock, hija wkoll minn Liège, spiċċat f’ħin ta’ 1:09:50.
Il-KESE kien rappreżentat mill-viċi president tiegħu, Cillian Lohan, li flimkien ma’ Stefaan De Rynck, kap tar-Rappreżentazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea fil-Belġju, taw is-sinjal biex tinbeda t-tellieqa. Dawk kollha li ħadu sehem fit-tellieqa ngħataw tislima wkoll minn Jaume Duch, Direttur Ġenerali għall-Komunikazzjoni tal-Parlament Ewropew, u mir-Reġina Mathilda tal-Belġjani, li wkoll ħadet sehem fit-tellieqa.
It-tellieqa li jmiss ta’ 20 km fi Brussell se ssir fid-29 ta’ Mejju 2022. (ehp)