European Economic
and Social Committee
Fir-rokna tagħna “Il-mistieden sorpiża”, nilqgħu personalitajiet distinti mill-qasam tax-xjenza, tal-ġurnaliżmu, tal-kultura u sferi oħrajn tal-ħajja pubblika. Il-mistieden tagħna dan ix-xahar huwa s-Serb Boško Savković, kittieb, ġurnalist u produttur tal-films/dokumentarji. Huwa kopresident tal-Kumitat Konsultattiv Konġunt UE-Serbja, korp li jopera taħt is-Sezzjoni għar-Relazzjonijiet Esterni tal-KESE biex jippromovi rabtiet aktar mill-qrib bejn is-soċjetà ċivili fl-UE u s-Serbja, u membru tal-Presidenza tal-Unjoni ta’ Min Iħaddem tas-Serbja.
Is-Sur Savković ħadem u ppubblika ħafna gazzetti f’dik li kienet il-Jugoslavja u aktar tard fis-Serbja. Waqt il-gwerra f’dik li kienet il-Jugoslavja, kien ġurnalist tal-gwerra għall-gazzetta Intervju u TV Politika. Iddiżgustat biċ-ċensura tal-mezzi tax-xandir telaq mill-midja Serba fl-1993 u stabbilixxa l-aġenzija tal-marketing tiegħu “Alternative”, li għadha qed topera b’suċċess fil-produzzjoni fuq it-TV, il-pubblikazzjoni, u d-disinn grafiku u fuq il-web. Fl-1996 waqqaf il-gazzetta satirika “Our Sow”, li saret simbolu ta’ reżistenza għar-reġim ta’ Slobodan Milosevic.
Huwa l-awtur ta’ tliet kotba: "Fake fighters run a lap of honour" (1989), li sar dokumentarju; "Rape of the Seventh Force" (1994) u "Mysteries that Changed Serbia" (1997).
Huwa ħadem ukoll fuq il-promozzjoni tal-Vanġelu ta’ Miroslav, li huwa parti mill-wirt kulturali medjevali rikk tas-Serbja, u pproduċa l-film “In the Beginning was the Word”. Fl-2008, waqqaf il-festival tal-films Silafest. Huwa ngħata ħafna premji fis-Serbja u f’Festivals Internazzjonali tal-Films, inkluż il-Gold Dolphin għall-aħjar dokumentarju fil-festival ta’ Cannes fl-2011 għall-film "Winter Fruits", u s-Silver Dolphin, f’Cannes ukoll, fl-2013 għall-film tiegħu "After the Bombs".
Waqt żjara fil-KESE f’Ġunju din is-sena, is-Sur Savković irringrazzja personalment il-Presidenza tal-Kumitat għall-appoġġ tagħha meta ġie akkużat li kien sejjaħ għat-tneħħija vjolenti tal-Kostituzzjoni Serba. Ftit jiem wara l-appell tal-KESE huwa nħeles.
Boško Savković se jattendi s-sessjoni plenarja ta’ Lulju tal-KESE, fejn se jieħu sehem f’dibattitu dwar “Ir-rwol futur tas-soċjetà ċivili fil-proċess tat-tkabbir” flimkien ma’ għadd ta’ kelliema mistiedna oħrajn.