Ninsabu f’solidarjetà mal-Ukrajna 

Għeżież qarrejja,

F’dan il-mument traġiku maħluq mill-aggressjoni militari Russa, li mhiex provokata u mhiex ġustifikata, kontra l-Ukrajna, ninsabu f’solidarjetà mal-poplu Ukren.

Matul is-sessjoni plenarja ta’ Marzu, rappreżentanti mis-soċjetà ċivili Ukrena u Russa kellhom impatt emozzjonali qawwi għad-dibattitu permezz tal-esperjenzi tagħhom tal-gwerra. “Din il-gwerra mhiex biss aggressjoni militari kontra l-Ukrajna, iżda hija wkoll reat kontra ċ-ċivilizzazzjoni”. Kliem Anatoliy Kinakh, President tal-Kunsill Ekonomiku u Soċjali Tripartitiku Nazzjonali tal-Ukrajna, ħalla impatt qawwi fost il-membri u l-mistednin tal-plenarja.

Il-membri tal-Kumitat appoġġjaw ir-Riżoluzzjoni dwar “Il-gwerra fl-Ukrajna u l-impatt ekonomiku, soċjali u ambjentali tagħha”, esprimew is-solidarjetà tagħhom mal-Ukrajna u enfasizzaw ir-rwol tas-soċjetà ċivili biex tassisti lill-poplu u lir-refuġjati Ukreni.

L-Ewropa qed tiffaċċja l-akbar kriżi tar-refuġjati mit-Tieni Gwerra Dinjija, hekk kif f’xahar wieħed biss, madwar 3,5 miljun refuġjat, inkluż 1,8 miljun tifel u tifla, ġew sfurzati jaħarbu mill-pajjiż. Madankollu, l-Ewropa tinsab maqgħuda mal-poplu Ukren, u qed tibdel is-solidarjetà f’azzjoni.

Sa mill-bidu tal-gwerra, osservajna mewġa unika ta’ ġenerożita lejn ir-refuġjati Ukreni, eżempju uniku ta’ solidarjetà, għaqda u altruiżmu.

Is-soċjetà ċivili tappoġġja lill-poplu Ukren. Il-poplu Ukren qiegħed jiddefendi l-paċi u s-sigurtà għal kulħadd. Din it-traġedja umana m’għandhiex fruntieri; tikkonċernana lkoll.  

Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, li jirrappreżenta lis-soċjetà ċivili organizzata, qed jibdel il-kliem f’fatti. Il-membri tagħna u l-organizzazzjonijiet tagħhom huma impenjati bis-sħiħ biex jassistu lir-refuġjati Ukreni f’kull mod possibbli, u l-mod kif organizzaw ruħhom kien impressjonanti.

Ħloqna paġna web speċjali ddedikata għall-Ukraina: https://www.eesc.europa.eu/en/initiatives/eesc-ukraine, fejn tista’ tara l-ħidma u l-inizjattivi li qegħdin jitwettqu mill-membri tagħna u mill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili tagħhom.

Cillian Lohan, Viċi President tal-KESE