Kull xahar, fil-kolonna tagħna “Il-Mistieden Sorpriża”, nintroduċu personalità li ħidmitha u l-impenn tagħha huma ta’ ispirazzjoni għal oħrajn. B’mod partikolari l-kuraġġ, il-karattru sod u d-determinazzjoni tagħhom biex jieħdu azzjoni huma eżemplari.

Fil-KESE Info ta’ dax-xahar, nagħtu l-kelma lil Sławek Kamiński, fotografu għall-gazzetta Pollakka Gazeta Wyborcza, biex jaqsam magħna r-ritratti li ħa fil-fruntiera tal-Ukrajna mal-Polonja.

Qed iseħħu xeni simili f’postijiet oħra peress li l-Ukreni qed jaqsmu l-fruntieri lejn diversi pajjiżi Ewropej: il-Polonja, l-Ungerija, is-Slovakkja, ir-Rumanija u l-Moldova.

Għalkemm huwa fotografu tal-esperjenza li kemm il-darba ra traġedji umani, Sławek Kamiński qal li ħass dieqa f’qalbu meta ra lill-ommijiet u t-tfal Ukreni deħlin il-Polonja, f’Rzeszow, Przemyśl, u Medyka-Szeginie, u kellhom isellmu lill-irġiel u lill-missirijiethom li kellhom imorru lura pajjiżhom biex jiġġieldu.

Hekk kif l-istorja traġika tal-Ukrajna qed tiżvolġi quddiemna, huwa bis-saħħa tal-ħidma bla heda u erojka tal-ġurnalisti, il-fotografi u l-cameramen bħal Sławek Kaminski, li jmorru fejn aħna ma nistgħux, li nsiru nafu dwar x’qed jiġri fuq il-post u s-sitwazzjoni traġika tan-nies fi gwerra. Huwa bis-saħħa tagħhom li nibqgħu aġġornati u li nimmobilizzaw ruħna biex inkunu ta’ għajnuna.

Sławek Kaminski huwa r-rebbieħ ta’ bosta premji u unuri ta’ kompetizzjonijiet prestiġġjużi tal-fotografija għall-istampa. Rebaħ il-Premju l-Kbir – Ir-ritratt tas-Sena fil-kompetizzjoni Grand Press Photo tal-2019. Ilu aktar minn 30 sena jiddokumenta l-bidliet politiċi fil-Polonja permezz tal-kamera tiegħu. Ix-xogħol tiegħu ġie ppubblikat fil-biċċa l-kbira tal-mezzi u l-pubblikazzjonijiet tal-istampa Pollaki u f’ħafna barranin. Huwa ħa sehem ukoll fi proġetti ewlenin ta’ reklamar. Ir-ritratti tal-aħbarijiet tiegħu jidhru fuq Wyborcza.pl u Reuters. (ll/ehp)