European Economic
and Social Committee
L-istudenti jilqgħu lill-membri tal-KESE fit-tħejjija għall-Ewropa Tiegħek, Leħnek
Il-membri tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew qed iżuru ħamsa u tletin skola fl-Istati Membri tal-UE, u seba’ pajjiżi kandidati fi Frar u Marzu biex iħejjuhom għal “L-Ewropa Tiegħek, Leħnek”, l-assemblea taż-żgħażagħ li se ssir fi Brussell nhar it-23 u l-24 ta’ Marzu 2023.
Din is-sena, l-avveniment tal-KESE għaż-żgħażagħ "L-Ewropa Tiegħek, Leħnek" se jsir għall-14-il darba, u se jerġa’ lura għall-format bil-preżenza fiżika wara waqfa ta’ tliet snin minħabba l-COVID-19. Bit-titolu “Djalogi dwar id-Demokrazija maż-Żgħażagħ”, l-avveniment għandu l-għan li jgħin liż-żgħażagħ jifhmu x’inhuma l-valuri Ewropej u xi tfisser iċ-ċittadinanza attiva f’demokrazija parteċipattiva.
Il-membri tal-KESE li jaġixxu bħala konsulenti għall-istudenti f’din inizjazzjoni għad-demokrazija rappreżentattiva tal-UE issa qegħdin fil-proċess li jżuru l-iskola magħżula f’pajjiżhom (ir-ritratt juri lill-Viċi President tal-KESE Cillian Lohan ma’ studenti mill-iskola f’pajjiżu, l-Irlanda ).
L-istudenti ta’ bejn is-16 u t-18-il sena mbagħad jiġu Brussell f’Marzu u jipparteċipaw f’sessjonijiet u gruppi ta’ ħidma biex jilħqu kunsens.
Il-proposti tagħhom dwar it-trawwim tal-impenn taż-żgħażagħ u ċ-ċittadinanza attiva mbagħad jiġu sottomessi lill-istituzzjonijiet Ewropej u lil dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet Ewropej ta’ livell għoli.
Dan l-avveniment għaż-żgħażagħ huwa maħsub biex iqajjem kuxjenza dwar il-mod kif gruppi b’interessi differenti jilħqu ftehimiet soċjali.
L-avveniment finali se jsir fit-23 u l-24 ta’ Marzu. Il-kelliema se jinkludu:
- Il-President tal-KESE Christa Schweng
- Il-Viċi President għall-Komunikazzjoni Cillian Lohan
- Kira Marie Peter-Hansen, l-iżgħar politiku li qatt ġie elett fil-Parlament Ewropew (Grupp Ħodor/Alleanza Ħielsa Ewropea), viċi-president tas-sottokumitat dwar kwistjonijiet fiskali
- PIsmael Páez Civico, membru tal-bord tal-Forum Ewropew taż-Żgħażagħ
- Themis Christophidou, Direttur Ġenerali għall-Edukazzjoni, iż-Żgħażagħ, l-Isport u l-Kultura fil-Kummissjoni Ewropea.
Aktar dettalji dwar #YEYS2023 jinsabu fuq is-sit web. (ab)