European Economic
and Social Committee
Il-Presidenza Żvediża tal-UE: il-KESE jingħaqad fid-diskussjoni dwar il-prijoritajiet u l-programm
F’laqgħa tal-KESE li saret fi Stokkolma fil-15 ta’ Diċembru, is-Segretarju tal-Istat għall-Affarijiet tal-UE tal-Iżvezja, Christian Danielsson, iddeskriva d-direzzjoni politika tal-Presidenza Żvediża li jmiss tal-Kunsill tal-UE, li talbet lill-KESE jipprovdi kontribut dwar sitt kwistjonijiet ewlenin.
Il-KESE sar jaf li fost it-temi ewlenin tal-Presidenza Żvediża tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea minn Jannar sa Ġunju 2023 se jkun hemm l-appoġġ lill-Ukrajna u enfażi fuq it-tranżizzjoni ekoloġika u l-kompetittività tal-UE.
Waqt laqgħa tal-Bureau – il-korp tat-tmexxija tal-KESE – li saret fi Stokkolma fil-15 ta’ Novembru 2022, il-President tal-KESE, Christa Schweng, enfasizzat li, bl-isfidi kollha tal-futur, l-UE tista’ tirnexxi biss jekk tinvolvi b’mod kontinwu lill-orgranizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili Ewropea.
Hija qalet li “meta titqies il-prospettiva ekonomika negattiva għall-Ewropa, hemm bżonn li jiġu stabbiliti prijoritajiet korretti u ċari. L-iżgurar tal-irkupru u l-appoġġ għan-negozji u n-nies li qed jaffaċċjaw rata għolja ta’ inflazzjoni u prezzijiet partikolarment għoljin tal-enerġija huma ta’ importanza ewlenija għall-ekonomiji tagħna, għas-soċjetajiet tagħna u għad-demokraziji tagħna”.
Christian Danielsson, Segretarju tal-Istat fil-Ministeru għall-Affarijiet Barranin tal-Iżvezja, qal li “m’għandniex ninsew il-fatt li l-prijoritajiet huma importanti, iżda l-kompitu prinċipali tal-presidenza huwa l-presidenza nnifisha: li nimxu ’l quddiem u niksbu riżultati li huma tajbin għaċ-ċittadini, għall-Istati Membri u għall-Ewropa. Se nagħmlu l-isforzi kolha biex niksbu dan.”
Is-Sur Danielsson enfasizza li l-Presidenza Żvediża se tkompli tgħin lill-Ukrajna bl-assistenza umanitarja u se tiffoka fuq it-titjib tal-prestazzjoni u l-kompetittività tal-ekonomija tal-UE.
B’mod aktar speċifiku, il-Presidenza Żvediża se tiffoka fuq:
- it-tħaffif tat-tranżizzjoni klimatika
- it-tisħiħ tal-kompetittività tal-UE għall-impjiegi tal-
- is-salvagwardja tal-valuri fundamentali tal-UE
- il-provvista ta’ sigurtà għaċ-ċittadini tal-UE u t-tisħiħ tar-rwol tal-UE fid-dinja
- il-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata.
Il-Presidenza Żvediża talbet lill-KESE biex jipprovdi l-kontribut u l-għarfien espert tiegħu dwar is-suġġetti li ġejjin, fil-forma ta’ “opinjonijiet esploratorji”.
- It-30 sena mis-suq uniku: Kif jista’ jittejjeb aktar il-funzjonament tas-suq uniku?
- It-tranżizzjoni lejn sistema tat-trasport sostenibbli fit-tul
- Ir-rwol taż-żgħażagħ fit-tranżizzjoni ekoloġika
- Il-vantaġġi tal-kostruzzjoni industrijali moderna tal-injam
- It-tisħiħ ulterjuri tal-kompetittività diġitali tal-UE
- Il-kompetenza u l-iżvilupp tal-ħiliet f’kuntest ta’ tranżizzjoni ekoloġika u diġitali
Hemm aktar informazzjoni fl-aħħar fuljett tal-KESE, intitolat “The EESC's activities during the Swedish presidency” (L-attivitajiet tal-KESE matul il-Presidenza Żvediża), li huwa disponibbli fis-sit web tagħna. Il-fuljett ġie ppubblikat bl-Ingliż, bl-Iżvediż, bil-Franċiż u bil-Ġermaniż. (mp/dm)
