European Economic
and Social Committee
Séamus Boland elett mill-ġdid il-President tal-Grupp tal-Organizzazzjonijiet tas-Soċjetà Ċivili
Mill-Grupp tal-Organizzazzjonijiet tas-Soċjetà Ċivili tal-KESE
Fl-14 ta’ Diċembru, Séamus Boland ġie elett mill-ġdid b’akklamazzjoni mill-membri tal-Grupp tal-Organizzazzjonijiet tas-Soċjetà Ċivili tal-KESE bħala l-president tal-grupp għal sentejn u nofs oħra.
Séamus Boland se jippresjedi l-grupp għat-tieni nofs mandat tiegħu, minn April 2023 sa Settembru 2025. L-Irlandiż, li huwa bidwi u jirrappreżenta organizzazzjoni għall-iżvilupp rurali u komunitarju fil-Kumitat, ilu jippresjedi l-grupp minn Ottubru 2020. Is-Sur Boland ilu membru tal-Kumitat sa mill-2011.
L-eradikazzjoni tal-faqar u r-rwol tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili fil-ġlieda kontra l-faqar ser jibqgħu l-prijorità ewlenija matul il-presidenza tiegħu.
“Il-faqar riesaq lejn l-ogħla livell li qatt rajna minħabba l-COVID-19, it-tibdil fil-klima u t-taqlib ġeopolitiku minħabba l-gwerra fl-Ukrajna. Dan jaffettwa l-isferi kollha tal-ħajja u jżommna milli niksbu futur sostenibbli għal kulħadd,” qal Séamus Boland. “Il-qerda tal-faqar għalhekk tibqa’ l-prijorità ewlenija tal-presidenza tiegħi u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili jaqdu rwol ċentrali fil-ġlieda kontra l-faqar. L-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili jgħinu biex jesprimu t-tħassib lokali, jiddefinixxu l-ħtiġijiet lokali u jsibu soluzzjonijiet lokali. Dan huwa kruċjali biex nilħqu l-ewwel Għan tal-Iżvilupp Sostenibbli, jiġifieri li neradikaw il-faqar estrem kullimkien.”
Għall-2023, Séamus Boland qed jipproponi li l-ħidma tal-grupp tkun iffokata fuq dawn l-oqsma prijoritarji li ġejjin:
- Sistemi Ewropej tal-kura tas-saħħa reżiljenti;
- It-tibdil fil-klima, il-faqar enerġetiku u gruppi vulnerabbli;
- Ħiliet, diġitalizzazzjoni u persuni vulnerabbli;
- Ir-rwol tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili fid-difiża u t-tisħiħ tad-demokrazija Ewropea;
- L-awtonamizzazzjoni taż-żgħażagħ u l-ħarsien tat-tfal.
Matul il-laqgħa tiegħu, il-Grupp tal-Organizzazzjonijiet tas-Soċjetà Ċivili ħatar ukoll kandidati għal pożizzjonijiet oħrajn ta’ tmexxija fi ħdan il-Kumitat għat-tieni nofs tal-mandat 2020-2025.
- Krzysztof Pater bħala l-Viċi President tal-KESE responsabbli għall-Baġit
- Baiba Miltoviča bħala l-President tas-Sezzjoni għat-Trasport, l-Enerġija, l-Infrastruttura u s-Soċjetà tal-Informazzjoni (TEN)
- Ioannis Vardakastanis bħala l-President tas-Sezzjoni għall-Unjoni Ekonomika u Monetarja u l-Koeżjoni Ekonomika u Soċjali (ECO)
- Panagiotis Gkofas bħala Kwestur
Il-persuni maħturin se jiġu kkonfermati permezz ta’ vot waqt it-tiġdid ta’ nofs it-terminu tal-Kumitat f’April 2023.
Sabiex issir taf iżjed, kompli aqra fuq: europa.eu/!mmX8NV (jk)