European Economic
and Social Committee
Grupp ta’ Min Iħaddem (Grupp I)
Aħna nsemmgħu leħen in-negozji fil-livell Ewropew.
Il-Grupp ta’ Min Iħaddem (Grupp I) ilaqqa’ flimkien aktar minn 100 intraprenditur u rappreżentant ta’ assoċjazzjonijiet ta’ intrapriżi minn kull Stat Membru tal-UE. Dan ifisser li l-Grupp jirrappreżenta aktar minn 20 miljun kumpanija Ewropea ta’ daqs kbir u żgħir f’firxa wiesgħa ta’ setturi kummerċjali, mill-industrija sal-bejgħ bl-imnut, u mill-agrikoltura sas-servizzi. Il-membri tagħna huma attivi fid-dinja tan-negozju u jwasslu r-realtà ta’ kuljum tan-negozju fl-Istati Membri kollha tal-UE fil-livell Ewropew. Huma ġenwinament jimpenjaw ruħhom li jagħmlu użu siewi mill-esperjenza tagħhom biex javvanzaw il-proġett Ewropew.
Il-Grupp ta’ Min Iħaddem għandu qafas ta’ prijoritajiet li jirriflettu l-ħtiġijiet ewlenin tan-negozji Ewropej. Dawn il-prijoritajiet jiġu riveduti b’mod regolari biex jirriflettu d-dinamika li fiha joperaw in-negozji Ewropej.
Fid-dawl tal-isfidi globali attwali, il-prijoritajiet tagħna jiffukaw fuq il-kompetittività u l-ħolqien ta’ ambjent favorevoli għan-negozju. Dawn l-objettivi jridu jkunu fil-quċċata tal-aġenda politika, u jiġu appoġġjati minn azzjonijiet ta’ politika konkreti.
Huwa għalhekk li nappellaw li tingħata prijorità assoluta lill-10 settijiet ta’ azzjonijiet ta’ politika favur in-negozju li ġejjin:
riforma radikali tal-approċċ regolatorju,
sistemi ta’ innovazzjoni produttiva li jiffukaw fuq l-investiment u l-innovazzjoni,
kapaċità teknoloġika għolja fid-difiża, is-sigurtà u t-tranżizzjoni ekoloġika u l-appoġġ għal intrapriżi start-up fil-qasam tat-teknoloġija,
bażi industrijali b’saħħitha,
swieq finanzjarji integrati permezz tal-iżvilupp tal-Unjoni tas-Swieq Kapitali u l-Unjoni Bankarja,
aċċess adegwat għax-xogħol,
sistemi ta’ enerġija u trasport effettivi,
kundizzjonijiet indaqs tan-negozjar,
tranżizzjoni ekoloġika orjentata lejn in-negozju,
finanzi pubbliċi effiċjenti.
Naħdmu mill-qrib mas-sitt organizzazzjonijiet ewlenin tan-negozju tal-Ewropa: BusinessEurope, Copa-Cogeca, EUROCHAMBRES, EuroCommerce, SGI Europe u SMEunited. Dawn huma alleati importanti fl-iskambju tal-għarfien espert u biex isemmgħu leħinna. Barra minn hekk, nikkooperaw ta’ spiss ma’ ħafna istituzzjonijiet u organizzazzjonijiet tan-negozju oħra fil-livell nazzjonali u Ewropew.
Downloads
-
Employers' Group Internal Rules