Qed ngħinu lill-intraprendituri Ukreni jħallu warajhom ir-rovini u jerġgħu joħolqu n-negozji tagħhom fil-Polonja

Tomasz Wróblewski, membru tal-KESE, il-Polonja

Meta tintemm din il-gwerra, l-Ewropa mhux se tibqa’ tiġi definita mill-esperjenzi tat-Tieni Gwerra Dinjija jew tal-Gwerra Bierda, iżda minn dak kollu li qed jiġri llum fl-Ukrajna u l-konsegwenzi tagħha, li għadhom ma jistgħux jitbassru. Dak li se ngħaddu minnu u t-tagħlimiet li se nisiltu se jbiddlu l-biċċa l-kbira tal-perċezzjonijiet tagħna tad-dinja.  

Għall-Polonja, dan se jibqa’ dejjem mument li qed jibni nazzjon. Dak li tgħallimna dwar kemm hi fraġli d-dinja meta rajna miljuni ta’ persuni jaħarbu mill-ħażen, iżda wkoll dak li tgħallimna dwarna nfusna meta ospitajna mijiet ta’ eluf ta’ barranin fi djarna, se jħalli l-marka tiegħu għas-snin li ġejjin.

Xi drabi nitkellmu dwar l-Ukrajnizzazzjoni tal-Polonja, trasformazzjoni spiritwali ta’ dawn iż-żewġ pajjiżi.
 2,7 miljun persuna li ġew f’pajjiżna sabu akkomodazzjoni, għajnuna u postijiet għal uliedhom fl-iskejjel u l-kindergartens.

Kull min naf u l-persuni li niltaqa’ magħhom fit-toroq jew fil-ħwienet qegħdin jagħmlu xi ħaġa biex jgħinu. Kulħadd bil-mod tiegħu. L-aktar qalbiena qed jittrasportaw il-mediċina u l-ġkieket kontra l-balel lejn l-Ukrajna. Oħrajn iqattgħu l-ħin liberu kollu tagħhom jgħinu lill-immigranti jimlew id-dokumenti, jiftħu kontijiet bankarji jew ifittxu x-xogħol. Dawk mal-fruntieri jqattgħu l-ġurnata kollha jilqgħu lir-refuġjati, li qegħdin jaqsmu l-fruntiera tagħna b’numri dejjem jikbru.

Isajru, isibulhom passaġġ għal bliet jew pajjiżi oħra, iqasmu mijiet ta’ eluf ta’ donazzjonijiet – kutri, basktijiet ta’ fuq id-dahar, teddy bears għat-tfal. Dan kollu qed jasal mal-fruntiera mid-dinja kollha.

Dak li nistgħu nagħmlu bħala membri ta’ organizzazzjoni ta’ intraprendituri huwa li ngħinu fejn nistgħu nikkontribwixxu l-iktar. Qed ngħinu lill-intraprendituri Ukreni jerġgħu joħolqu n-negozji tagħhom fil-Polonja. Immexxuhom ’il bogħod mill-fabbriki, ħwienet, kliniċi jew ħwienet tas-sbuħija li jinsabu rrovinati u nagħtuhom – li ħafna minnhom spiċċaw mingħajr dar, mingħajr mezz ta’ għajxien u mingħajr dawk li l-aktar li jħobbu – impjieg fil-Polonja.

 Fil-qalba ta’ Varsavja hemm uffiċċju għall-organizzazzjonijiet tal-intraprendituri Ukreni. Minbarra l-ispazju għall-uffiċċji u l-appoġġ amministrattiv, qed ngħinuhom isibu spazju għall-kumpaniji li jiddeċiedu li jibnu mill-ġdid in-negozji tagħhom fil-Polonja. Bdejna billi krejna għexieren ta’ eluf ta’ metri kwadri ta’ spazju għall-produzzjoni. Permezz tal-ġenerożità tal-kumpaniji Pollakki fil-parti industrijali ta’ Varsavja, l-intraprendituri Ukraini jistgħu jirċievu spazju mingħajr ħlas. Iħallsu biss għall-ilma u għall-ġbir tal-iskart.

Wara kważi xahrejn ta’ din il-kriżi ta’ refuġjati, fil-Polonja ma nħoloq l-ebda kamp tar-refuġjati jew kwalunkwe post ieħor fejn id-dinjità u s-sifurtà tal-bniedem tkun f’riskju.

L-Ukrajna dieħla fi stadju ġdid tal-gwerra, iżda anke l-Polonja. Irridu nagħtu lin-nies li sabu kenn sikur hawnhekk ħajjithom lura. Ma nistgħux nagħtuhom lura pajjiżhom, iżda għallinqas billi nagħtuhom impjieg nistgħu nagħtuhom ftit sens ta’ normalità.