Il-promozzjoni u l-appoġġ għas-saħħa mentali jeħtieġu approċċ komprensiv

Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (KESE) appella għal riforma tas-sistemi tas-saħħa fl-UE fit-tentattiv li jiġi żgurat approċċ komprensiv għas-saħħa mentali, fost żieda fid-disturbi tas-saħħa mentali u l-anomaliji fl-imġiba fost l-Ewropej, b’mod partikolari l-popolazzjoni żagħżugħa tal-Ewropa.

F’Opinjoni mitluba mill-Presidenza Spanjola tal-Kunsill tal-UE, adottata fis-sessjoni plenarja ta’ Lulju, il-KESE stqarr li l-kura tas-saħħa mentali għandha tiffoka fuq il-prevenzjoni f’waqtha, detezzjoni bikrija u kura bbażata fil-komunità.

Milena Angelova, ir-relatur tal-Opinjoni qalet li neħtieġu b’mod urġenti riforma tas-sistemi tas-saħħa madwar l-UE biex jiġi żgurat li dawn iwasslu għal interventi u kura fit-tul integrati u ppjanati, mhux biss biex jikkuraw, iżda wkoll biex jiġu evitati kundizzjonijiet mediċi, bl-użu ta’ timijiet multidixxiplinari, minflok ma jiġu organizzati madwar mudelli episodiċi ta’ kura.

Ivan Kokalov, il-korelatur tal-Opinjoni, qal li neħtieġu nibdlu s-sistemi tagħna tal-kura tas-saħħa mentali, u li neħtieġu aktar speċjalisti u aktar appoġġ għall-persuni li jeħtieġuha.
Iż-żgħażagħ, it-tfal, in-nisa u gruppi żvantaġġati, iżda wkoll persuni esposti għal stress fit-tul, huma f’riskju partikolari li jiżviluppaw disturbi mentali.

Wara l-pandemija tal-COVID-19, is-saħħa mentali kompliet tmur għall-agħar, b’madwar 20 % tal-Ewropej jesperjenzaw problemi gravi jew moderati tas-saħħa mentali. Fost affarijiet oħra, dan affettwa wkoll il-ħajja tax-xogħol u l-introjtu. Stimi attwali juru li s-saħħa mentali u l-anomaliji fl-imġiba jiswew lill-UE madwar 4 % tal-PDG tagħha fis-sena.
Id-disturbi tas-saħħa mentali qegħdin iħallu effett sever fuq il-ħajja u huma responsabbli għal madwar 4 % tal-imwiet fl-Ewropa kull sena; huma t-tieni l-aktar kawża prevalenti ta’ mewt fost iż-żgħażagħ.

Il-KESE jfaħħar lill-Kummissjoni Ewropea dwar il-Pjan Komprensiv reċenti tagħa dwar is-Saħħa Mentali u jħeġġeġ li dan il-Pjan jiġi traspost malajr kemm jista’ jkun fi Strateġija tal-UE għas-Saħħa Mentali ffinanzjata b’mod xieraq. L-Istrateġija għandu jkollha skeda ta’ żmien, tiddefinixxi responsabbiltajiet ċari u tinkludi indikaturi tal-progress li jistgħu jitkejlu.

Fil-fehma tal-KESE, is-sistemi tas-saħħa mentali għandhom ikunu bbażati fuq id-drittijiet, iffukati fuq il-persuni u jipprijoritizzaw ir-responsabbilizzazzjoni u l-parteċipazzjoni attiva tal-individwi fl-irkupru tagħhom.
Il-KESE jirrakkomanda bil-qawwa li l-Kummissjoni Ewropea tiddikjara l-2024 bħala s-Sena Ewropea tas-Saħħa Mentali. Dan jibgħat sinjal qawwi u jħeġġeġ il-ħolqien ta’ alleanza b’saħħitha biex tittejjeb u tiġi promossa s-saħħa mentali fl-UE kollha.