Il-KESE qed iħejji għall-avveniment annwali tagħna “L-Ewropa Tiegħek, Leħnek” fejn studenti mill-Ewropa kollha jgħidu tagħhom dwar iċ-ċittadinanza attiva tagħhom f’demokrazija parteċipattiva.

L-Ewropa Tiegħek, Leħnek reġa’ lura għall-14-il edizzjoni, b’ritorn għall-format bi preżenza fiżika wara tliet snin. Intitolata Djalogi dwar id-Demokrazija maż-Żgħażagħ, se ssir bejn it-23 u l-24 ta’ Marzu 2023.

Minħabba li l-avveniment se jseħħ wara sena ddominata mill-kriżi fl-Ukrajna, it-theddid għar-reġimi paċifiċi, u l-isfidi soċjetali u ekonomiċi imprevedibbli li jwasslu għal bidliet sistemiċi, l-avveniment ta’ din is-sena se jiffoka fuq kif tista’ titqajjem kuxjenza dwar il-valuri demokratiċi, filwaqt li jitħeġġeġ il-ħsieb kritiku, it-tisħiħ tal-pożizzjoni taż-żgħażagħ u l-parteċipazzjoni tagħhom.

Matul il-jumejn, l-istudenti se jipparteċipaw f’sensiela ta’ sessjonijiet ta’ ħidma u attivitajiet interattivi li jilħqu l-apiċi tagħhom b’sensiela ta’ rakkomandazzjonijiet li se jiġu ppreżentati lill-istituzzjonijiet Ewropej u lil dawk li jfasslu l-politika u jieħdu d-deċiżjonijiet Ewropej fuq livell għoli.

Ir-reġistrazzjonijiet għalqu fis-6 ta’ Diċembru, u kellhom ċans japplikaw skejjel mill-Istati Membri kollha tal-UE u s-seba’ pajjiżi kandidati (l-Albanija, il-Moldova, il-Maċedonja ta’ Fuq, il-Montenegro, is-Serbja, it-Turkija u l-Ukrajna).

Se tintgħażel bix-xorti skola waħda minn kull pajjiż, u r-rebbieħa se jieħdu sehem fl-avveniment ta’ jumejn, li partijiet minnu se jixxandru wkoll fuq l-internet permezz tal-mezzi tal-midja soċjali tal-KESE.

Il-membri tal-KESE se jżuru kull skola magħżula minn qabel sew biex iħejju l-istudenti u l-għalliema għall-avveniment L-Ewropa Tiegħek, Leħnek. Dawn iż-żjarat jistgħu jsiru fiżikament jew mill-bogħod, bejn Jannar u Frar 2023. Id-dokumentazzjoni u l-materjali ta’ tagħlim se jintbagħtu lill-iskejjel qabel dawn iż-żjarat.(ck)