Iċ-Ċentri tal-Innovazzjoni Diġitali jawtonomizzaw lill-SMEs ekoloġiċi u diġitali

Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (KESE) jirrakkomanda li ċ-Ċentri tal-Innovazzjoni Diġitali jissaħħu biex tingħata spinta lill-kapaċità tal-innovazzjoni tal-UE bħala parti mit-tranżizzjoni lejn futur sostenibbli. Iċ-Ċentri tal-Innovazzjoni Diġitali jipprovdu infrastruttura siewja għall-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju (SMEs) li altrimenti jistgħu jsibuha diffiċli biex isiru aktar ekoloġiċi u aktar diġitali.  

L-UE tinsab wara l-Istati Uniti u l-Ġappun f’termini tal-investiment fir-riċerka u l-iżvilupp relattiv għall-PDG (2,32 % fl-2020, imqabbel ma’ 3,08 % fl-Istati Uniti u 3,2 % fil-Ġappun).

Il-KESE jemmen li l-UE għandha ssaħħaħ l-investiment fir-riċerka u l-iżvilupp għal 3 % tal-PDG u ressaq diversi rakkomandazzjonijiet dwar kif isir l-aħjar użu taċ-Ċentri tal-Innovazzjoni Diġitali għal dan l-għan f’Opinjoni fuq inizjattiva proprja adottata fis-sessjoni plenarja tiegħu f’Ottubru.

Ir-relatur tal-Opinjoni, Giuseppe Guerini qal: “It-tranżizzjoni diġitali tolqot lis-soċjetà Ewropea kollha, mhux l-ekonomija biss. Hemm impatt dirett fuq it-tilħiq tal-miri klimatiċi tal-Patt Ekoloġiku Ewropew u l-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli tan-NU, imma fuq kollox, hemm impatt soċjali f’ħafna oqsma”.

Meta tkellem dwar l-importanza taċ-Ċentri tal-Innovazzjoni Diġitali, il-korelatur Nicos Epistithiou żied jgħid: “Iċ-Ċentri tal-Innovazzjoni Diġitali jiffunzjonaw bħala punti uniċi ta’ servizz li jipprovdu gwida lill-SMEs dwar it-tranżizzjoni doppja diġitali u ekoloġika. It-trade unions, l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, l-assoċjazzjonijiet ta’ min iħaddem u l-awtoritajiet pubbliċi jeħtieġ jaħdmu flimkien ma’ dawn iċ-ċentri”.

Iċ-Ċentri tal-Innovazzjoni Diġitali huma kollaborazzjonijiet bejn tipi ta’ organizzazzjonijiet differenti. Huma jservu bħala pjattaformi għall-ittestjar ta’ soluzzjonijiet teknoloġiċi qabel l-investiment u jistgħu jintużaw għall-iskambju tal-aħjar prattiki u għall-iżvilupp tal-ħiliet diġitali.

In-network taċ-Ċentri tal-Innovazzjoni Diġitali fl-Ewropa bħalissa għaddej minn ristrutturar kbir imma l-KESE jinsab imħasseb li hemm nuqqas ta’ viżjoni ċara dwar l-iżvilupp futur.