Il-kriżi tal-coronavirus: Il-KESE jgħid li l-kumpaniji tal-UE għandhom jikkunsidraw mill-ġdid il-mudell ta’ negozju tagħhom

This page is also available in

Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (KESE) jirrimarka li l-kriżi tal-COVID-19 hija opportunità biex nibdlu l-mod kif nagħmlu n-negozju, mingħajr ma nitbiegħdu mill-objettivi fit-tul ta’ Ewropa ekoloġika, sostenibbli u soċjali.

Jeħtieġ li nibdlu l-mod kif nagħmlu n-negozju fl-Ewropa u fid-dinja, iżda l-pilastri tal-ġejjieni tagħna għandhom jibqgħu l-għanijiet fit-tul tal-UE għat-tkabbir ekonomiku sostenibbli, minkejja l-kriżi tal-COVID‑19. Fl-Opinjoni tiegħu dwar It-tisħiħ tat-tkabbir ekonomiku sostenibbli fl-UE, abbozzata minn Philip von Brockdorff u adottata fis-sessjoni plenarja ta’ Lulju, il-Kumitat jenfasizza li l-kriżi hija opportunità biex nikkunsidraw mill-ġdid u ntejbu l-mod kif il-kumpaniji tal-UE jagħmlu n-negozju. M’għandhiex tkun skuża biex jiġu mminati l-objettivi stabbiliti fil-Patt Ekoloġiku Ewropew, fl-Istrateġija għat-Tkabbir Sostenibbli 2020 u fil-Pilastru Ewropew għad-Drittijiet Soċjali.

Waqt id-dibattitu fil-plenarja, is-Sur von Brockdorff qal li minħabba l-problemi ekonomiċi b’riżultat tal-kriżi tal-coronavirus neħtieġu bidla fil-modus operandi tan-negozji fl-UE u madwar id-dinja. Il-ktajjen tal-provvista wrew li huma vulnerabbli u jeħtieġ li jiġu żgurati. L-operaturi tal-UE jeħtieġ li jikkunsidraw mill-ġdid l-istrateġiji tagħhom fir-rigward tal-katina tal-provvista, b’enfasi fuq id-diversifikazzjoni u r-riallinjament tal-ktajjen tal-provvista f’diversi setturi. Hemm ukoll il-ħtieġa għal forma ta’ deglobalizzazzjoni settorjali, tal-anqas għall-kumpaniji tal-UE li jipproduċu prodotti essenzjali, li għandhom jikkunsidraw li jmexxu l-impjanti tal-manifattura tagħhom lura lejn l-Ewropa.

Sabiex ikun hemm tkabbir sostenibbli fis-snin li ġejjin, irridu nerġgħu nagħtu spinta lill-ekonomija Ewropea billi nżommu f’moħħna l-qofol tas-sostenibbiltà ambjentali, iż-żieda fil-produttività, il-ġustizzja, il-progress soċjali u l-istabbiltà makroekonomika.

Jeħtieġ li l-Unjoni Ewropea jkollha rwol aktar prominenti fil-kummerċ dinji. Dan huwa essenzjali għall-kumpaniji tal-UE u l-prospetti tan-negozju tagħhom. Għal ditti globali li joperaw f’suq globali, huma essenzjali wkoll kundizzjonijiet ekwi f’firxa wiesgħa ta’ aspetti, bħal standards internazzjonali tax-xogħol, kompetizzjoni ġusta u konformità mal-miri tat-tibdil fil-klima.

Matul il-kriżi tal-coronavirus, l-appoġġ pubbliku fil-livell nazzjonali sar dejjem aktar importanti. Skont il-KESE, it-tkabbir sostenibbli jista’ jissaħħaħ biss jekk ikun hemm regoli pubbliċi ċari fl-oqsma kollha tal-attività ekonomika u jekk il-protezzjoni ambjentali tiġi integrata fih.

F’dan l-isfond, sabiex tiġi stabbilita l-boxxla ekonomika, huwa importanti li d-djalogu mal-imsieħba soċjali u mas-soċjetà ċivili jinżamm miftuħ, peress li minn naħa l-gvernijiet jeħtiġilhom isibu modi biex jappoġġjaw in-nefqa għat-tkabbir ekonomiku sostenibbli u min-naħa l-oħra jiżguraw is-sostenibbiltà fiskali fit-tul.

F’dan ir-rigward, l-għajnuna offruta lin-negozji, kemm fil-livell nazzjonali kif ukoll f’dak tal-UE, għandha tingħata biss bil-kundizzjoni li jsir progress soċjali u li jiġu osservati l-għanijiet stabbiliti fil-Patt Ekoloġiku Ewropew u fl-Istrateġija ta’ Tkabbir Sostenibbli 2020.

Mill-perspettiva ġenerali, l-uniku mod li ekonomija tista’ tkompli tikber b’mod sostenibbli fil-futur huwa jekk tiżdied il-kapaċità tagħha li tikber, jiġifieri jekk tagħti aktar valur lill-ekonomija nnifisha. Dan ifisser li jiżdiedu l-pagi u l-bilanċi pożittivi, u b’hekk tiżdied id-domanda fis-Suq Uniku, iżda mingħajr ma jiġu ppreġudikati d-drittijiet miksuba bħall-protezzjoni soċjali u n-negozjar kollettiv.

L-innovazzjoni, id-diġitalizzazzjoni u l-investiment kontinwu fil-kapital uman jaqdu rwol vitali fl-iffaċilitar tat-tranżizzjoni lejn tkabbir ekonomiku sostenibbli futur fl-UE, u l-pedament għal dan għandu jkun il-ħolqien u l-iżvilupp ta’ ekonomija li tkun verament ċirkolari.

Minn naħa l-mudelli tan-negozju tal-ekonomija ċirkolari jimmassimizzaw il-valur u l-effiċjenza tar-riżorsi tul il-katina sħiħa u min-naħa l-oħra jimminimizzaw l-iskart. Għalhekk dawn joffru potenzjal sinifikanti għat-trawwim tal-kompetittività Ewropea, kemm f’termini tas-salvagwardja tal-ambjent naturali kif ukoll tal‑ħolqien ta’ impjiegi ta’ kwalità għolja.

See also