Il-valuri tal-isport ma jiqdiemu qatt: jgħaqqdu lin-nies u lill-pajjiżi

Għeżież qarrejja,

Il-KESE ħa l-inizjattiva Flimkien aktar b’saħħitna għall-valuri tal-isport biex japprova l-valuri minquxa fl-Olimpjadi tal-2024 f’Pariġi mill-perspettiva tas-soċjetà ċivili. L-inizjattiva enfasizzat il-ħidma tal-Kumitat li minn dejjem kien fuq quddiem nett fil-promozzjoni tal-isport bħala forza pożittiva għat-trawwim ta’ valuri b’saħħithom fis-sezzjonijiet kollha tas-soċjetà. 

B’din l-inizjattiva, nixtiequ nqajmu simbolikament l-idea ta’ tregwa li ġiet introdotta għall-ewwel darba fl-Olimpjadi antiki fil-Greċja, li jmorru lura għas-seklu 9. It-tregwa, Ekecheiria bil-Grieg, matul iċ-ċelebrazzjoni tal-logħob kienet perjodu ta’ paċi fost l-istati bliet f’kunflitt, bil-għan li tippermetti parteċipazzjoni sikura fil-logħob għall-atleti u l-ispettaturi.

Illum il-ġurnata, l-idea ta’ tregwa tidher aktar f’waqtha minn qatt qabel minħabba x-xenarju ġeopolitiku fraġli attwali, meta wieħed iqis il-kunflitt u t-taqlib politiku fl-Ewropa u f’partijiet oħra tad-dinja.

Barra minn hekk, nixtiequ napprovaw il-valuri tal-isport li ma jiqdiemu qatt. Kif qal Nelson Mandela, l-isport jista’ joħloq tama fejn darba kien jirrenja biss id-disprament. Il-valuri li qed niddefendu għandhom is-setgħa li jbiddlu d-dinja u jgħaqqdu lin-nies u lill-pajjiżi b’mod li jġib il-paċi u l-armonija, u bi prevalenza tar-rispett u l-ħbiberija.

F’dan il-kuntest nedejna kampanja qasira li tirrifletti t-tliet valuri oriġinali tal-eċċellenza, ir-rispett u l-ħbiberija, li evolvew matul is-snin, b’kont meħud tal-persuni b’diżabilità.

Is-soċjetà ċivili organizzata hija favur l-ispirtu tal-bini ta’ dinja paċifika u aħjar permezz tal-edukazzjoni taż-żgħażagħ bi sport li jiġi pprattikat mingħajr diskriminazzjoni ta’ kwalunkwe tip, u fi spirtu ta’ ħbiberija, solidarjetà u logħob ġust.

L-artikli, l-elementi grafiċi, il-messaġġi bil-vidjow u d-dikjarazzjonijiet mill-membri tagħna ġew ippubbliċizzati fuq is-sit web tal-KESE u l-pjattaformi tal-media soċjali tal-KESE sa mill-bidu tal-Logħob ta’ Pariġi. Il-kampanja ssoktat matul il-Paraolimpjadi, u enfasizzat li din iċ-ċelebrazzjoni sportiva kbira tħalli stampa qawwija fuq is-soċjetà, billi tenniet messaġġi b’saħħithom għal opportunitajiet indaqs u trattament ugwali.

Il-valuri tal-isport fil-Logħob ta’ Pariġi jaqblu ħafna mal-valuri Ewropej tal-libertà, il-paċi, id-diversità u l-inklużjoni. Dawn il-valuri għandhom ikunu l-prinċipji gwida fil-ħajja tagħna ta’ kuljum, fejn id-differenzi u l-kunflitti għandhom jiġu ttrattati permezz tad-djalogu u r-rispett reċiproku.

Il-KESE, id-dar tas-soċjetà ċivili organizzata, dejjem iddefenda dawn il-valuri, billi ppromova soċjetà aktar inklużiva, ġusta u koeżiva, li tiżgura opportunitajiet indaqs u l-parteċipazzjoni attiva tal-membri kollha tiegħu.

#Paris2024

Dejjem tagħkom, 

Laurenţiu Plosceanu

Viċi President għall-Komunikazzjoni