European Economic
and Social Committee
Il-KESE: il-promozzjoni tal-isport bħala forza pożittiva għar-rispett tal-valuri tal-UE
Il-KESE minn dejjem kien fuq quddiem nett fil-promozzjoni tal-isport bħala forza pożittiva għat-trawwim ta’ valuri b’saħħithom f’kull qasam tas-soċjetà.
Fl-Opinjoni tiegħu dwar L-isport u l-valuri Ewropej, imfassla mill-membru Bernardo Hernández Bataller, il-KESE jgħid li l-isport jgħin biex jintlaħqu l-objettivi strateġiċi tal-UE, jagħti prominenza lill-valuri edukattivi u kulturali ewlenin, u huwa mezz ta’ integrazzjoni, peress li huwa miftuħ għall-membri kollha tal-pubbliku, irrispettivament mill-ġeneru, l-oriġini etnika, ir-reliġjon, l-età, in-nazzjonalità, is-sitwazzjoni soċjali jew l-orjentazzjoni sesswali tagħhom. L-isport għandu rwol ċentrali bħala għodda biex jiġu indirizzati l-intolleranza, il-ksenofobija u r-razziżmu.
Fl-2022, il-ħidma tal-KESE dwar l-isport iffukat fuq l-Opinjoni tiegħu dwar L-azzjoni tal-UE għall-perjodu ta’ wara l-COVID-19: irkupru aħjar permezz tal-isport, abbozzat mill-membru Pietro Barbieri. Wara l-perjodu twil tal-pandemija, li kellu impatt serju fuq is-settur kollu tal-isport u fuq l-assoċjazzjonijiet sportivi lokali b’mod partikolari, il-Kumitat ressaq l-argument li kien meħtieġ approċċ strateġiku sabiex jissaħħaħ u jiġi promoss ir-rwol tal-isport u tal-attività fiżika fil-bini ta’ soċjetà aktar reżiljenti u sostenibbli, bħala parti mill-proċess usa’ ta’ rkupru ekonomiku u soċjali.
Il-KESE enfasizza wkoll l-impenn qawwi tiegħu favur iċ-ċikliżmu bħala mezz ta’ trasport tajjeb għas-saħħa u li ma jagħmilx ħsara lill-klima f’diversi Opinjonijiet, bħal Il-promozzjoni tat-trasport transkonfinali bir-rota u It-trasport fiż-żoni urbani u metropolitani.
Il-Lexicon Ewropew taċ-Ċikliżmu tal-KESE (l-aħħar edizzjoni ppubblikata fl-2023) huwa eżempju prattiku tal-appoġġ tiegħu għaċ-ċikliżmu. Jiġbor flimkien vokabularju relatat maċ-ċikliżmu fil-lingwi kollha tal-UE u huwa utli għal kull min isuq ir-rota f’pajjiż Ewropew ieħor u lil hinn mill-kontinent.
F’dawn l-aħħar snin, il-KESE organizza u appoġġja wkoll avvenimenti taċ-ċikliżmu. F’Mejju 2024, il-membru tal-KESE Bruno Choix mexxa avveniment taċ-ċikliżmu madwar Franza u l-Belġju biex jippromovi l-elezzjonijiet Ewropej u jħeġġeġ lin-nies joħorġu jivvutaw. Fl-2019, għall-Grand Départ de Bruxelles 2019 (1-7 ta’ Lulju 2019) tat-Tour de France, il-Kumitat ippromova r-rwol u l-popolarità li qed tikber taċ-ċikliżmu bħala mezz ta’ trasport nadif. (mp)