Is-seminar tal-KESE “Nikkollegaw l-Ewropa”, li kull sena jlaqqa’ flimkien professjonisti tal-komunikazzjoni mill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, se jsir fi Brussell fis-17 u t-18 ta’ Ottubbru 2024. Se jiffoka fuq il-ġurnaliżmu u l-importanza li jitħarsu l-indipendenza u r-rilevanza tiegħu fil-kuntest tal-pressjoni politika dejjem tikber fuq il-media u l-mod kif kibret b’daqstant ħeffa l-IA ġenerattiva. 

Bit-titolu "Il-bażi tad-demokrazija: ngħinu lill-ġurnaliżmu jissopravivi u jikber”, is-seminar se jinkludi żewġ panels u sessjoni ta’ networking:

  • Ġurnaliżmu responsabbli fl-era ta’ post-verità – il-livelli tad-demokrazija qed jonqsu ħafna madwar id-dinja u l-ġurnalisti qed iħabbtu wiċċhom ma’ sfidi ġodda, bħall-użu dejjem aktar makakk tal-IA għat-tixrid ta’ aħbarijiet foloz. Barra minn hekk, l-isfidi l-antiki, bħan-nuqqas ta’ trasparenza tas-sjieda tal-media jew finanzjament insuffiċjenti, jidhru li se jibqgħu. X’se jkun meħtieġ biex il-ġurnaliżmu jibqa’ pedament tad-demokrazija? Il-ġurnaliżmu responsabbli huwa saħansitra vijabbli llum? F’dinja fejn il-mezzi tal-media qed jikkompetu mal-influwenzaturi jew mal-medja soċjali bħala s-sorsi tal-aħbarijiet, il-ġurnaliżmu se jkollu jerġa’ jivvinta lilu nnifsu biex jibqa’ ġid pubbliku? L-aħħar atti tal-UE jistgħu jgħinu biex l-IA ssir alleat tal-libertà tal-istampa? 
  • Xogħol perikoluż – rapportar investigattiv – il-ġurnaliżmu investigattiv għandu storja twila li jġiegħel lil dawk fil-poter jagħtu rendikont ta’ azzjonijiethom u jagħti vuċi lil dawk li qed ifittxu li jirrapportaw abbuż ta’ pożizzjoni u privileġġ. X’tipi ta’ sfidi għandhom jaffrontaw il-ġurnalisti investigattivi biex jixħtu dawl fuq il-verità? X’protezzjoni għandhom għad-dispożizzjoni tagħhom biex jipproteġu lilhom infushom minn theddid? Il-leġiżlazzjoni l-ġdida tal-UE tista’ tiżgura aktar libertà u setgħa għalihom? 
  • Xogħol bħala uffiċjal tal-istampa jew tal-komunikazzjoni fl-era ta’ Instagram, TikTok u IA – kif twassal il-messaġġ tiegħek (sessjoni ta’ networking u sessjonijiet ta’ ħidma) – Permezz ta’ preżentazzjonijiet u sessjonijiet ta’ ħidma prattiċi, is-sessjoni għandha l-għan li toffri ħarsa lejn dinja ġdida ta’ komunikazzjoni ma’ udjenzi differenti, inkluż iż-żgħażagħ. 

Is-seminar “Nikkollegaw l-Ewropa” joffri pjattaforma fejn il-professjonisti tal-istampa u l-komunikazzjoni minn organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili jistgħu jinteraġixxu u jiddiskutu dwar kwistjonijiet attwali ta’ interess komuni li jolqtu lill-Ewropa. Is-seminar ilaqqa’ membri tal-KESE u rappreżentanti oħra tal-UE, organizzazzjonijiet imsieħba mill-Istati Membri, ġurnalisti u riċerkaturi biex jiddiskutu l-kwistjonijiet jaħarqu tal-ġurnata. Il-programm sħiħ u l-lista tal-kelliema se jkunu disponibbli dalwaqt fis-sit web tal-KESE. Għal aktar informazzjoni jekk jogħġbok ikteb lil: pressofficers@eesc.europa.eu. (ll)