Din is-sena, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (KESE) se jerġa’ jipparteċipa fil-COP29, il-Konferenza tan-NU dwar it-Tibdil fil-Klima tal-2024 li ser issir fil-belt kapitali tal-Ażerbajġan, Baku.

Il-KESE ser ikun rappreżentat minn Peter Schmidt, President tal-Grupp Ad Hoc dwar il-COP, u mid-delegat taż-żgħażagħ tal-KESE għall-COP, Diandra Ní Bhuachalla. Matul il-konferenza, il-KESE ser itenni l-messaġġi tal-Opinjoni tiegħu adottata reċentement dwar il-finanzjament għall-klima u ser itenni t-talbiet tiegħu għal tranżizzjoni inklużiva u ekwa li tassigura li l-azzjoni klimatika ma żżidx l-inugwaljanza soċjali. Il-KESE se jippromovi wkoll sistemi agroalimentari sostenibbli, l-enerġija rinnovabbli, l-effiċjenza enerġetika, it-teknoloġiji ekoloġiċi u l-allinjament tal-għanijiet tal-bijodiversità u tal-klima. Billi jipparteċipa fil-COP29, il-KESE għandu l-għan li jiżgura li leħen is-soċjetà ċivili Ewropea jinstema’ u li l-eżiti tal-konferenza jirriflettu soluzzjonijiet ibbilanċjati u soċjalment ġusti għall-kriżi klimatika. (ks)