Minn Krzysztof Balon, relatur tal-Opinjoni tal-KESE dwar Il-promozzjoni tas-solidarjetà interġenerazzjonali Ewropea – lejn approċċ orizzontali tal-UE.

It-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea jiddikjara li “L-Unjoni... għandha tippromovi... is-solidarjetà bejn il-ġenerazzjonijiet”.

Madankollu, l-etaiżmu, l-attitudnijiet negattivi lejn ċerti gruppi ta’ età u x-xejriet demografiċi flimkien ma’ kriżijiet multipli qed jifirdu s-soċjetajiet Ewropej u joħolqu ostakli għall-inklużjoni u l-parteċipazzjoni reali. Dawn il-kwistjonijiet ma jaffettwawx biss lill-ġenerazzjonijiet akbar fl-età; iżda se jkollhom ukoll impatt fuq il-ġenerazzjonijiet żgħażagħ ta’ bħalissa.

Fl-istess ħin, id-djalogu interġenerazzjonali u l-influwenzi pożittivi fuq l-iżvilupp ekonomiku jkopru l-ħtiġijiet ta’ ġenerazzjonijiet differenti b’mod sostenibbli,isaħħu d-demokrazija u l-koeżjoni soċjali. Id-djalogu interġenerazzjonali jaħdem bħala forma ta’ djalogu ċivili.

Għaldaqstant, neħtieġu approċċ politiku ġdid għas-solidarjetà interġenerazzjonali – u għandna bżonnu issa!

Għalhekk, il-KESE jistieden lill-Kummissjoni Ewropea tippubblika Green Paper dwar is-solidarjetà interġenerazzjonali. Dan għandu jinkludi proposti msemmija fl-Opinjoni tal-KESE dwar Il-promozzjoni tas-solidarjetà interġenerazzjonali Ewropea, inklużi dawk relatati mad-dinja tax-xogħol, is-sistemi tal-pensjonijiet u s-servizzi tas-saħħa u tal-kura. Min-naħa tagħhom, l-Istati Membri huma mħeġġa jikkondividu l-aħjar prattiki f’dawn l-oqsma. Sabiex jiġu appoġġjati dawn l-isforzi, is-solidarjetà interġenerazzjonali għandha tiġi stabbilita bħala wieħed mill-objettivi tar-regolamenti tal-Fond Soċjali Ewropew 2027-2034.

L-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u l-imsieħba soċjali għandhom rwol ewlieni fl-ippjanar u l-implimentazzjoni ta’ politiki speċifiċi. Il-KESE għandu jistabbilixxi Forum ta’ Solidarjetà Interġenerazzjonali, li jipprovdi pjattaforma għall-iskambju ta’ informazzjoni u esperjenzi u għall-iżvilupp ta’ ideat ġodda f’kooperazzjoni mill-qrib mal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u partijiet interessati rilevanti oħra. Bil-parteċipazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea, il-Forum jista’ jimmonitorja wkoll l-implimentazzjoni u l-iżvilupp tal-approċċ ta’ solidarjetà interġenerazzjonali madwar l-UE.