L-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, l-individwi u l-kumpaniji privati issa jistgħu jippreżentaw il-proġetti tagħhom mingħajr skop ta’ qligħ għall-premju tal-KESE ddedikat għall-ġlieda kontra l-polarizzazzjoni dannuża tas-soċjetà Ewropea.

Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (KESE) għadu kif nieda l-15-il edizzjoni tal-Premju tiegħu għas-Soċjetà Ċivili. L-objettiv speċifiku tal-premju ta’ din is-sena huwa li jiġu ppremjati inizjattivi u attivitajiet effettivi, innovattivi u kreattivi mingħajr skop ta’ qligħ imwettqa fl-Unjoni Ewropea bil-għan li jiġġieldu l-polarizzazzjoni dannuża tas-soċjetà Ewropea.

Se jiġu ppremjati total ta’ EUR 50 000 lil mhux aktar minn ħames rebbieħa. Id-data tal-għeluq biex jitressqu l-applikazzjonijiet hija s-7 ta’ Novembru 2024 fl-10 a.m. (ħin ta’ Brussell). Iċ-ċerimonja tal-għoti tal-premjijiet hija ppjanata li ssir matul il-Ġimgħa tas-Soċjetà Ċivili tal-KESE f’Marzu 2025.

L-applikazzjonijiet jistgħu jitressqu mill-organizzazzjonijiet kollha tas-soċjetà ċivili rreġistrati uffiċjalment fl-UE u li jaġixxu fil-livell lokali, reġjonali, nazzjonali jew Ewropew. Il-premju huwa miftuħ ukoll għal individwi li jirrisjedu fl-UE, kif ukoll għal kumpaniji rreġistrati jew li joperaw fl-UE, dment li l-proġetti tagħhom ikunu strettament mingħajr skop ta’ qligħ.

L-inizjattivi u l-proġetti jridu jitwettqu fl-UE biex ikunu eliġibbli. Dawn l-inizjattivi u l-proġetti jridu jkunu diġà ġew implimentati jew ikunu għadhom għaddejjin. Deskrizzjoni sħiħa tar-rekwiżiti u l-formola ta’ applikazzjoni online huma disponibbli fuq il-paġna web tal-Premju tal-KESE għas-Soċjetà Ċivili .

It-tipi ta’ attivitajiet u/jew inizjattivi proposti għall-premju jistgħu jkopru firxa wiesgħa ta’ suġġetti, bħall-identifikazzjoni tal-fatturi individwali u kollettivi ta’ polarizzazzjoni dannuża; it-trawwim tat-trasparenza fir-rigward tal-finanzjament tal-organizzazzjonijiet; il-ġlieda kontra l-pluralità tal-media li qed tonqos; il-promozzjoni tal-libertà, id-diversità u l-indipendenza tal-media u l-ġlieda kontra d-diżinformazzjoni u l-aħbarijiet foloz.

L-għan tal-Premju ewlieni tal-KESE għas-Soċjetà Ċivili huwa li jkun hemm sensibilizzazzjoni dwar il-kontribut eċċellenti tas-soċjetà ċivili għall-ħolqien ta’ identità u ċittadinanza Ewropej u għall-promozzjoni tal-valuri komuni li jsaħħu l-integrazzjoni Ewropea. Kull sena, il-premju jiffoka fuq tema differenti ta’ rilevanza partikolari għall-UE. (lm)