European Economic
and Social Committee
Fil-Jum għall-Pubbliku tal-2024, il-KESE qajjem kuxjenza dwar l-importanza tal-votazzjoni fl-elezzjonijiet Ewropej tal-2024
Fil-Jum għall-Pubbliku tradizzjonali tiegħu, nhar is-Sibt 4 ta’ Mejju 2024, il-Kumitat fetaħ il-bibien tiegħu bl-għan li jipprovdi informazzjoni u motivazzjoni lin-nies dwar ir-rwol tiegħu fost l-istituzzjonijiet Ewropej u dwar l-elezzjonijiet Ewropej li jmiss.
Matul il-jum, il-KESE organizza għadd ta’ attivitajiet fis-sede tiegħu, il-bini Jacques Delors fi Brussell. Il-parteċipanti setgħu jżuru l-bini u jiskopru x’jista’ jagħmel il-KESE għan-nies, jitgħallmu dwar ir-rwol tal-Kumitat fil-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet tal-UE, u jaqsmu l-interessi u t-tħassib tagħhom mal-membri tal-KESE.
Il-viżitaturi kellhom ukoll l-opportunità jaraw x’jagħmlu l-membri tal-KESE lura f’pajjiżhom u jieħdu sehem f’attivitajiet diretti bħal logħob interattiv, kwiżż dwar l-UE, u pittura tal-wiċċ għat-tfal.
Filgħodu, il-Kumitat ta merħba wkoll lil grupp ta’ membri u persunal tal-KESE wara li waslu minn vjaġġ bir-rota ta’ mijiet ta’ kilometri madwar Franza u l-Belġju biex titqajjem kuxjenza dwar l-importanza tal-elezzjonijiet Ewropej.
Immexxi mill-membru tal-KESE Bruno Choix mill-Grupp ta’ Min Iħaddem, il-grupp ta’ ċiklisti vvjaġġa minn Caen (Franza) lejn Brussell fuq 4 t’ijiem, b’total ta’ madwar 500 km; fejn ingħaqdu magħhom membri u persunal oħrajn tal-KESE fl-aħħar ġibda minn Waterloo sas-sede tal-KESE fi Brussell. (mp)