European Economic
and Social Committee
Il-mediċina nukleari hija l-ogħla prijorità biex jingħeleb il-kanċer
Il-mediċina nukleari u l-provvista ta’ isotopi radjuattivi għandhom ikunu prijorità ewlenija għall-Unjoni Ewropea jekk irridu niggarantixxu aċċess ugwali għat-trattament tal-kanċer għall-pazjenti kollha fl-Ewropa.
L-UE u l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-finanzjament ikun disponibbli għat-teknoloġiji radjoloġiċi u nukleari mediċi. Fl-istess ħin, għandhom ukoll iżidu l-kooperazzjoni tagħhom biex ineħħu l-ostakli regolatorji għall-provvista ta’ isotopi radjuattivi u jnaqqsu d-dipendenza tagħhom fuq pajjiżi terzi għall-materja prima.
B’dan l-għan, l-Opinjoni tal-KESE bit-titolu Pjan tal-Ewropa biex Jingħeleb il-Kanċer: l-ixpruni għas-sigurtà tal-provvista tal-isotopi radjuattivi mediċi, adottata fis-sessjoni plenarja ta’ Mejju, tenfasizza l-ħtieġa li jsir minn kollox possibbli fit-teħid ta’ azzjoni kontra l-kanċer..
Ir-relaturi Alena Mastantuono u Philippe Charry t-tnejn kienu tal-fehma li l-uniku mod biex tiġi żgurata aħjar il-provvista ta’ isotopi radjuattivi fl-Ewropa u tiġi ssodisfata d-domanda dejjem tikber mill-pazjenti huwa “jekk nieħdu deċiżjonijiet politiċi kuraġġużi u jekk ikollna regolamentazzjoni soda”.
Kull sena, sa 10 miljun pazjent Ewropew jibbenefikaw minn dijanjostika permezz ta' immaġnijiet mediċi nukleari għad-dijanjożi tal-patoloġiji, bħall-kanċer jew il-mard tal-qalb. It-teknoloġiji radjoloġiċi u nukleari li jużaw l-isotopi radjuattivi huma essenzjali fil-ġlieda kontra l-kanċer fl-istadji kollha tal-kura, fid-detezzjoni bikrija, fid-dijanjożi, fit-trattament u fil-kura palljativa. (mp)