Il-vot tagħna jgħodd!

Għeżież qarrejja,

Id-demokraziji tagħna qed jiġu ttestjati minn għadd ta’ fatturi li ilhom jaffettwaw lill-Ewropa mill-gwerra aggressiva tar-Russja kontra l-Ukrajna ’l hawn, b’impatti soċjali, politiċi u finanzjarji severi fuq kull Stat Membru u fuq l-Unjoni nnifisha. Madankollu dejjem ħsibt li meta jħabbtu wiċċhom ma’ żminijiet diffiċli, iċ-ċittadini Ewropej ikunu magħqudin, flimkien, determinati li jwittu t-triq ’il quddiem u jsawru l-Ewropa li jixtiequ għall-futur tagħhom u għall-ġenerazzjonijiet li ġejjin billi jivvutaw biex jagħżlu t-tmexxija Ewropea l-ġdida.

Peress li l-elezzjonijiet Ewropej li ġejjin se jaffettwaw bil-kbir il-perkors tal-UE matul il-ħames snin li ġejjin, il-KESE ngħaqad mal-Parlament Ewropew billi ffirma Memorandum ta’ Qbil dwar il-Kooperazzjoni bi tħejjija għall-elezzjonijiet Ewropej, skedati għas-6-9 ta’ Ġunju 2024.

L-esperjenza turi li l-parteċipazzjoni fl-elezzjonijiet Ewropej hija aktar baxxa minn dik fl-elezzjonijiet nazzjonali. Għal din ir-raġuni, il-KESE se jkun attiv ħafna fis-sensibilizzazzjoni dwar l-elezzjonijiet Ewropej li ġejjin. Billi nimmobilizzaw in-network tagħna ta’ 90 miljun persuna – impjegaturi, ħaddiema u organizzazzjonijiet oħra tas-soċjetà ċivili – nistgħu ngħinu biex nagħtu spinta lill-parteċipazzjoni.

Diġà ġew stabbiliti għadd ta’ miżuri, li bdew bil-Ġimgħa tas-Soċjetà Ċivili li saret fl-4-7 ta’ Marzu 2024, li rat aktar minn 800 rappreżentant minn organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u gruppi taż-żgħażagħ jiltaqgħu biex jiddiskutu l-elezzjonijiet li ġejjin u l-futur tal-UE.

Bl-adozzjoni ta’ Riżoluzzjoni fil-plenarja ta’ Marzu, il-KESE ħareġ is-sejħa tiegħu fejn ħeġġeġ liċ-ċittadini joħorġu jivvutaw. Ġiet stabbilita paġna web apposta taħt is-slogan #USEYOURVOTE biex tospita attivitajiet, avvenimenti u inizjattivi mill-membri u l-persunal tal-KESE. L-attivitajiet ta’ sensibilizzazzjoni lokali tal-membri se jkollhom rwol ewlieni!

Fl-4 ta’ Mejju, l-istituzzjonijiet kollha tal-UE se jiftħu l-bibien tagħhom biex jiċċelebraw l-involviment demokratiku fl-elezzjonijiet billi jfakkru l-anniversarju tad-“Dikjarazzjoni ta’ Schuman”. Sadanittant, fis-26 ta’ Mejju, it-tim appassjonat tagħna “Run For Europe” se jieħu sehem fl-avveniment 20K ta’ Brussell biex jippromovi l-kampanja “Uża l-Vot tiegħek”. M’għandniex ninsew li aktar ma jkun hemm nies li jivvutaw, aktar tissaħħaħ id-demokrazija. Aktar ma jivvutaw nies, aktar ikunu leġittimi d-deċiżjonijiet meħuda. Din id-darba, iċ-ċittadini, speċjalment iż-żgħażagħ, jeħtieġ li joħorġu u jivvutaw. B’dan il-mod, jistgħu jagħmlu differenza u jagħtu lill-Ewropa “wiċċ”, “wiċċ” li jkunu kburin bih.

Peress li tindirizza l-interess ġenerali taċ-ċittadini Ewropej, is-soċjetà ċivili jista’ jkollha rwol ċentrali f’din il-kampanja, b’mod partikolari fir-rigward tas-sensibilizzazzjoni dwar l-importanza tal-elezzjonijiet u l-inkoraġġiment tan-nies biex jivvutaw.

Ejjew naħdmu flimkien, nilħqu liċ-ċittadini u lill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, fil-livelli kollha – Ewropew, nazzjonali, reġjonali – ninvolvu ruħna magħhom fi djalogu veru, nisimgħu leħinhom u ngħidu lill-mexxejja politiċi tagħna x’jistennew l-organizzazzjonijiet ta’ miljuni ta’ ċittadini li nirrappreżentaw mill-MEPs il-ġodda u l-Kummissjoni l-ġdida fil-5 snin li ġejjin.

Il-vot tagħna jgħodd! #USEYOURVOTE

Dejjem tagħkom,

Laurenţiu Plosceanu, Viċi President għall-Komunikazzjoni