European Economic
and Social Committee
Maria Nikolopoulou: Nappellaw għal strateġija globali biex jiġu implimentati l-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli
KESE Info: Għaliex l-implimentazzjoni tal-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli (SDGs) għandha tkun waħda mit-temi u l-attivitajiet ewlenin tal-Kummissjoni futura?
Dawn il-jiem huma kritiċi għall-avvanz tal-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli (SDGs), peress li s-Summit tal-2023 dwar l-SDGs li se jsir f’Settembru fi New York għandu l-għan li jimmarka l-bidu ta’ fażi ġdida fl-aċċellerazzjoni tal-implimentazzjoni tal-SDGs bi gwida politika ta’ livell għoli.
In-nuqqas ta’ referenza espliċita għall-implimentazzjoni tal-SDGs fid-diskors tal-President Ursula Von der Leyen dwar l-Istat tal-Unjoni fit-13 ta’ Settembru juri li l-SDGs mhumiex il-forza mexxejja għall-bidla fil-politiki tal-UE. Hemm ċertu “SDG washing”. Minflok ma nikkunsidrawhom bħala umbrella li tiddefinixxi l-azzjonijiet tagħna għal bidla sistemika, qed nieħdu biss deċiżjonijiet frammentati u qed niddikjaraw kif dawn jaffettwaw l-implimentazzjoni ta’ għanijiet speċifiċi.
Il-Kummissjoni tal-UE li jmiss għandha tieħu l-impenn politiku għall-implimentazzjoni tal-SDGs bis-serjetà. Il-kisba tal-Aġenda 2030 teħtieġ bidliet strutturali, soluzzjonijiet innovattivi, u kollaborazzjoni fost il-gvernijiet, is-soċjetà ċivili, in-negozji, u l-organizzazzjonijiet internazzjonali. Neħtieġu pjan trasformattiv fit-tul li jmur lil hinn mill-2030. Il-KESE u organizzazzjonijiet oħrajn tas-soċjetà ċivili ilhom jappellaw għal strateġija globali għall-implimentazzjoni tal-SDGs sa mill-bidu nett. U dan jeħtieġ kuraġġ politiku u impenn mhux biss biex jiġu diretti b’mod adegwat ir-riżorsi finanzjarji u umani disponibbli iżda wkoll biex jiġi ristrutturat il-mod kif taħdem l-amministrazzjoni u biex tingħeleb il-kompartimentalizzazzjoni.
Qed nesperjenzaw għargħar, nixfa u nirien bla preċedent. Qed naraw kif l-inugwaljanzi soċjali qed jiżdiedu u magħhom l-inkwiet soċjali u d-disprezz fir-rigward tal-politiċi u dawk li jfasslu l-politika attwali tagħna. Qed naraw kif l-atturi ekonomiċi l-kbar qed isaħħu l-pożizzjoni tagħhom fis-suq u kif is-sopravivenza taż-żgħar qed issir dejjem aktar diffiċli. L-implimentazzjoni tal-SDGs hija l-unika soluzzjoni affidabbli għal kulħadd. Il-kisba tal-SDGs titlob azzjoni kollettiva, soluzzjonijiet innovattivi, u dedikazzjoni mġedda għall-bini ta’ dinja aħjar għall-ġenerazzjonijiet attwali u futuri. Ma nistgħux nippermettu li l-futur tagħna jkun iddominat mill-inċertezza!